Franza, il-Greċja, u r-Renju Unit jibgħatu assi militari lejn Ċipru b'rispons għall-kunflitt fl-Iran

Ċipru diġà jinsab lest illi jirċievi vapur tal-gwerra u sistemi kontra d-drones minn Franza, ajruplani militari Griegi, u vapur tal-gwerra Brittaniku hekk kif it-tensjonijiet fil-Mediterran tal-Ilvant u fil-Golf Persjan ikomplu jgħollu rashom

Ritratt: Arkivji
Ritratt: Arkivji

Ir-Renju Unit qiegħed jibgħat aktar assi militari f'Ċipru sabiex jipproteġi l-bażi tal-ajru tiegħu wara l-attakki mill-ajru Iranjani.

L-awtoritajiet tad-difiża Brittaniċi qegħdin jikkunsidraw illi jibagħtu destroyer b'difiżi speċjalizzati kontra d-drones lejn il-gżira tal-Mediterran li tospita żewġ bażijiet militari tar-Renju Unit. Dan wara li drone immira lejn l-RAF Akrotiri u ġġarraf fuq ir-runway tal-bażi filwaqt li żewġ drones oħrajn ġew interċettati.

Ir-residenti Ċiprijotti ħdejn il-bażi Brittanika ġew mwissija sabiex jistkennu, hekk kif il-familji tal-persunal tas-servizz Brittaniku tneħħew mill-bażi.

Ċipru diġà jinsab lest illi jirċievi vapur tal-gwerra u sistemi kontra d-drones minn Franza, filwaqt li n-nazzjon-gżira talab ukoll l-għajnuna mill-Ġermanja.

Sadanittant, il-Greċja bagħtet erba' ajruplani militari tal-għamla F-16 lejn il-gżira, kif ukoll żewġ fregati.

L-aħħar żviluppi li ħarġu mill-Golf jinkludu dak illi jidher illi huwa attakk bid-drones fuq port fl-Oman li fih ntlaqtet faċilità tal-ħażna tal-fjuwil.

Il-Forzi tad-Difiża ta’ Iżrael (IDF) iddikjaraw li lestew attakk fuq skala kbira fuq l-infrastruttura fil-kapitali Iranjana li qalu li hija kruċjali għall-produzzjoni ta’ missili ballistiċi.

Il-prezz taż-żejt kompla jitla’ għal aktar minn $70 kull barmil, hekk kif it-tbassir jissuġġerixxi li l-għeluq tal-Istrett ta’ Hormuz se jwassal għal prezzijiet ogħla tal-ikel minħabba tnaqqis fil-produzzjoni tal-ikel, peress li ż-żona hija kruċjali għat-trasport ta' ingredjenti użati għall-fertilizzanti.

More in Barranin