Fis-Saħara tal-Punent, in-nies jiċċelebraw l-indipendenza taħt id-dell ta' okkupazzjoni

''Ma stajniex niċċelebraw jum l-indipendenza fit-toroq għaliex il-pulizija Marokkina jużaw forza qawwija kontra d-dimostrazzjonijiet politiċi. Iċċelebrajna kif stajna billi ċċelebrajna l-kultura tagħna bil-moħbi fid-djar tagħna għax il-forzi sigrieti tal-gvern Marokkin josservawna kontinwament.''

Matul il-jum tal-Ġimgħa, in-nazzjon minsi fl-Afrika ta' Fuq iċċelebra il-50 sena anniversarju mil-jum tas-27 ta' Frar 1976; ġrajja li għalih kellha tkun jum l-indipendenza. Fil-kampijiet tar-refuġjati ta' Tindouf, l-Alġerija, għexerien ta' eluf ta' Saħrawi sfidaw il-kundizzjonijiet ħarxa tad-deżert sabiex ifakkru 50 sena mit-twaqqif tal-istat nazzjon tagħhom 'l bogħod minn arthom. 

Iżda dan l-istat baqa' biss stat fl-isem. L-istat Saħrawi ġie sforzat jopera fl-eżilju mill-Alġerija b'konsegwenza tal-okkupazzjoni illegali tal-Marokk fis-Saħara tal-Punent; okkupazzjoni li ilha għaddejja 50 sena u li fi żmienna qiegħda tiġi minsija jew saħansitra aċċettata.

Huwa stmat illi madwar 173,000 refuġjat Saħrawi huma sforzati jgħixu f'kundizzjonijiet prekarji fl-Alġerija, b'ħafna minn dawn ir-refuġjati jkunu dixxendenti ta' dawk is-Saħrawi li 50 sena ilu ġew sforzati 'l barra minn arthom b'konsegwenza tal-invażjoni Marokkina. 50 sena wara, dawn ir-refuġjati qegħdin ikomplu jgħixu ħajjiet dipendenti kważi kompletament fuq l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Alġerija f'kundizzjonijiet ta' faqar.

Min-naħa l-oħra, madwar 200,000 Saħrawi jgħix fit-territorju okkupati fejn huwa suġġett għal ripressjoni ħarxa mill-awtoritajiet Marokkini; illi jissupressaw bil-forza kwalunkwe attiviżmu favur l-indipendenza tat-territorju. Iż-żewġ komunitajiet Saħrawi huma mifruda bit-tieni l-itwal ħajt fid-dinja; ħajt b'tul ta' 2,700km illi l-Marokk bniet bl-għajnuna tal-Istati Uniti sabiex tipproteġi l-okkupazzjoni tagħha.

Miċħuda milli jiċċelebraw l-indipendenza f'arthom

Din il-gazzetta tkellmet ma' Saħrawi li jgħix f'Dakhla; belt fis-Saħara tal-Punent li hija okkupata mill-Marokk. ''Ma stajniex niċċelebraw jum l-indipendenza fit-toroq għaliex il-pulizija Marokkina jużaw forza qawwija kontra d-dimostrazzjonijiet politiċi. Iċċelebrajna kif stajna billi ċċelebrajna l-kultura tagħna bil-moħbi fid-djar tagħna għax il-forzi sigrieti tal-gvern Marokkin josservawna kontinwament.''

Saħrawi oħrajn esprimew il-frustrazzjoni tagħhom għall-fatt illi minkejja li s-sitwazzjoni tagħhom baqgħet minsija u kważi qiegħda tiġi nnormalizzata. Oħrajn irreferew għall-ipokrezija tal-gvernijiet tal-Punent, illi jikkundannaw l-okkupazzjoni Russa fl-Ukrajna filwaqt illi jappoġġjaw l-okkupazzjoni Marokkina f'arthom.

Fix-xhur illi għaddew, l-Unjoni Ewropea ħabbret l-appoġġ tagħha għal proposta mill-gvern Marokkin li toffri awtonomija limitata għall-abitanti tat-territorju bil-kundizzjoni li dan jibqa' taħt sovranita' Marokkina. Fl-aħħar snin, l-Istati Uniti, Franza u l-Iżrael irrikonoxxew formalment is-sovranita' tal-Marokk fuq it-territorju.

Ħafna esperti legali u għaqdiet internazzjonali huma xettiċi dwar il-legalita’ ta’ awtonomija limitata taħt sovranita’ Marokkina bħala soluzzjoni għall-kunflitt. Dan minħabba l-fatt illi l-Marokk m’għandux mandat legali rikonoxxut sabiex jamministra lit-territorju.

Minn sena għall-oħra, bosta organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fosthom Amnesty International u Human Rights Watch jikkundannaw l-persekuzzjoni u l-oppressjoni tal-gvern Marokkin fil-konfront tas-Saħrawi.

Kunflitt minsi fl-aħħar kolonja tal-Afrika

Is-Saħara tal-Punent spiss tissejjaħ l-aħħar kolonja fl-Afrika u hija inkluża fil-lista tan-Nazzjonijiet Uniti ta' Territorji Mhux Awtonomi. Din hija lista li tinkludi territorji li, fil-ġudizzju tan-Nazzjonijiet Uniti, għadhom ma rċevewx forma ta' awto-governanza.

Is-Saħara tal-Punent huwa territorju fl-Afrika ta' Fuq li għadu kkontestat bejn il-Marokk; illi ilu jokkupa t-territorju illegalment għal matul dawn l-aħħar 50 sena; u l-Front Polisario; illi huwa moviment anti-kolonjali li ilu jiġġieled għall-indipendenza tat-territorju sa mill-1973. Bejn l-1884 u l-1975, it-territorju kien kolonja Spanjola, illi abbandunaw it-territorju għalkollox fi Frar 1976.

F'Novembru 1975, hekk kif Spanja kienet qiegħda tħejji sabiex tiddekolonizza t-territorju u tagħti l-indipendenza lill-abitanti indiġeni, il-Marokk nieda invażjoni illegali mit-Tramuntana fuq dan it-territorju ġirien tiegħu. Dan minkejja li ġudizzju tal-Qorti Internazzjonli tal-Ġustizzja f'Ottubru ta' din is-sena sostna li l-abitanti tat-territorju għandhom jingħataw id-dritt li jiksbu l-indipendenza. 

F'Settembru 1991, ġie nnegozjat ftehim tal-waqfien mill-ġlied min-Nazzjonijiet Uniti bl-għan illi jsir referendum fit-territorju sabiex l-abitanti jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-awtodeterminazzjoni. Madanakollu, dan ir-referendum qatt ma sar minħabba oppożizzjoni qawwija mill-Marokk għall-prospett ta' referendum li jinkludi l-għażla għal indipendenza. 

More in Barranin