Jitlaqqa' l-Bord tal-Paċi: diskuss il-futur ta' Gaża mingħajr rappreżentanza Palestinjana

Min attenda u min baqa' 'l bogħod: l-hekk imsejjaħ Bord tal-Paċi mwaqqaf mill-President tal-Istati Uniti Donald Trump jitlaqqa' sabiex jingħata bidu għat-twettiq ta' pjan li se jittrasforma lil Gaża mingħajr ma ġew ikkonsultati niesu

Ritratt: Wikimedia Commons
Ritratt: Wikimedia Commons

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump nhar il-Ħamis kellu l-laqgħa inawgurali tal-hekk imsejjaħ Bord tal-Paċi tiegħu fl-Istitut tal-Paċi tal-Istati Uniti, fejn ġabar flimkien rappreżentanti mill-pajjiżi msieħba biex jipproponu strateġiji ta' rikostruzzjoni u finanzjament għal Gaza. Għalkemm il-laqgħa kellha l-għan li turi t-triq 'il quddiem għal Gaza, kienet waħda mtappna minn kontroversja.

Trump iddeskriva l-bord bħala wieħed li għandu "potenzjal bla limitu", u sostna li jista' jsir l-aktar organizzazzjoni internazzjonali importanti fl-istorja. Huwa se jkompli jkun il-president tiegħu għal dejjem, anke wara li jħalli l-kariga ta' President Amerikan. Madankollu, il-kritiċi jwissu li l-mandat dejjem jikber tal-bord jirriskja li jhedded l-funzjonijiet ta' istituzzjonijiet internazzjonali stabbiliti, inklużi n-Nazzjonijiet Uniti.

Mill-50 pajjiż mistiedna biex jingħaqdu mal-bord, 26 ikkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom. Diversi potenzi Ewropej ewlenin irrifjutaw li jingħaqdu miegħu, u qajmu tħassib dwar il-merti tal-bord li dejjem qegħdin jespandu u dwar id-deċiżjoni ta' Trump li jinkludi mexxejja bħal Benjamin Netanyahu u Vladimir Putin. Filwaqt li l-Prim Ministru Iżraeljan ingħaqad mal-bord, il-President Russu s'issa għadu ma weġibx għall-istedina.

L-Unjoni Ewropea, filwaqt li ma ingħaqditx bħala membru, qiegħda tibgħat lill-kummissarju tagħha għall-Mediterran bħala osservatur. Fil-jiem illi għaddew, Malta kkonfermat illi mhijiex se tissieħeb fil-bord. Dan wara li l-gvern Malti ffaċċja kritika qawwija minħabba li l-Prim Ministru Robert Abela kien qal illi qiegħed jikkunsidra sħubija fil-bord waqt diskors fil-Parlament Malti.

L-għanijiet tal-hekk imsejjaħ Bord tal-Paċi

Is-sessjoni inawgurali ffokat fuq ir-rikostruzzjoni ta’ Gaża, illi tinsab fi stat ta' devastazzjoni totali b'riżultat tal-kampanji militari tal-Iżrael. Dawn il-kampanji, illi tnedew f'Ottubru 2023, ammontaw fit-twettiq ta' ġenoċidju fil-konfront tal-poplu Palestinjan li ħalla iżjed minn 75,000 persuna maqtula.

L-amministrazzjoni ta’ Trump qiegħda tippjana finanzjament ta’ $5 biljun, illi huma kontribuzzjonijiet mill-pajjiżi membri tal-bord sabiex jiffinanzjaw l-għoti ta' għajnuna umanitarja u sforzi ta’ rikostruzzjoni. Il-parti ċentrali tal-aġenda kienet il-Forza Internazzjonali ta’ Stabbilizzazzjoni proposta, imfassla sabiex iżżomm is-sigurta' u timplimenta pjan ta’ gvern tranżitorju f’Gaża.

Inizjalment limitata għall-affarijiet Palestinjani, il-merti tal-bord ġew imwessa' taħt il-gwida ta’ Trump sabiex jinkludu r-riżoluzzjoni ta' kunflitti globali oħrajn bħala prijorita' oħra tal-bord. L-uffiċjali jiddeskrivu l-viżjoni bħala waħda li tmur “lil hinn minn Gaża” u li hija waħda li tiffoka fuq l-għan usa’ ta’ paċi fid-dinja, bl-Istati Uniti tassumi rwol ewlieni.

Fi preżentazzjoni minn Jared Kushner, it-tifel ta' bint Trump u membru eżekuttiv tal-bord, ġie affermat illi l-pjan ta’ rikostruzzjoni jinkludi serje ta' proposti għal infrastruttura modernizzata, torrijiet għoljin u anke żoni turistiċi max-xtajta.

Il-viżjoni ġiet ikkritikata minn bosta osservaturi internazzjonali favur id-drittijiet tal-poplu Palestinjan bħala waħda kolonjali u imperjalista fl-ambitu tagħha. Dan minħabba l-fatt illi m'hemm l-ebda rappreżentazzjoni Palestinjana fuq il-bord minkejja li hemm rappreżentazzjoni Iżraeljana.

Dan qajjem dubji serji dwar kemm il-viżjoni tal-Istati Uniti hija kompatibbli mas-soluzzjoni taż-żewġ stati li kienet maqbula bejn l-Iżrael u Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) waqt l-Akkordji ta' Oslo fl-1993. Minkejja dan il-qbil, l-Iżrael baqgħet tikkonsolida l-okkupazzjoni tagħha fuq it-territorji Palestinjani okkupati sa mill-1967, illi jinkludu lil Gaża, Ġerusalemm tal-Ilvant u x-Xatt tal-Punent.

Min attenda u min baqa’ ’l bogħod

Il-parteċipazzjoni wriet differenzi bejn il-potenzi globali. Il-pajjiżi tal-Lvant Nofsani kienu l-aktar attivi, filwaqt li Iżrael bagħat lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Gideon Saar. Alleati tal-Istati Uniti bħall-Emirati Għarab Magħquda, il-Marokk, il-Baħrejn, l-Eġittu, l-Għarabja Sawdija, it-Turkija, il-Ġordan, il-Qatar u l-Kuwajt ukoll attendew iċ-ċerimonja inawgurali. L-uffiċjali qalu li l-involviment tagħhom juri kemm tħassib għal Gaza kif ukoll l-importanza tar-rabtiet tagħhom mal-Istati Uniti.

Il-parteċipazzjoni fl-Ażja-Paċifiku kienet selettiva. Il-mexxejja tal-Asja Ċentrali mill-Każakistan u l-Użbekistan, kif ukoll il-Prim Ministru Armen Nikol Pashinyan u l-President Ażerbajġan Ilham Aliyev, ukoll attendew l-ewwel laqgħa. L-Asja tax-Xlokk kienet rappreżentata mill-President tal-Indoneżja Prabowo Subianto u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Komunista tal-Vjetnam To Lam. Il-Prim Ministru tal-Pakistan Shehbaz Sharif ukoll attenda l-laqgħa, filwaqt li l-Indja finalment ikkonfermat il-parteċipazzjoni. L-Awstralja u New Zealand irrifjutaw jew għadhom mhux deċiżi.

L-Ewropa fil-biċċa l-kbira baqgħet fil-ġenb. Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit u Spanja kollha rrifjutaw sħubija fil-bord, filwaqt illi l-Ungerija u l-Bulgarija huma eċċezzjonijiet. Il-Prim Ministru tal-Ungerija Viktor Orban attenda l-laqgħa. L-Italja, Ċipru, il-Greċja u r-Rumanija bagħtu l-osservaturi tagħhom, filwaqt li l-Vatikan irrifjuta u qal li l-kriżijiet globali għandhom ikunu taħt is-superviżjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.

Il-pressjonijiet domestiċi affettwaw ħafna mexxejja li ngħaqdu mal-bord, partikolarment f'pajjiżi Għarab jew dawk b'popolazzjoni li  fil-maġġoranza tagħha hija Musulmana. Fl-Indoneżja, il-President Prabowo ffaċċja kritika mill-pubbliku f'pajjiżu, li ilu jappoġġja lill-Palestina, b'opinjonijiet maqsuma dwar il-parteċipazzjoni tiegħu. Fil-Pakistan, il-Prim Ministru Sharif qiegħed jiġi ppressat sabiex jappoġġja bil-qawwa l-prinċipju ta' awtodeterminazzjoni għall-poplu Palestinjan.

Esperti tal-Ilvant Nofsani qalu li l-pajjiżi ngħaqdu mal-bord parzjalment għal raġunijiet umanitarji iżda wkoll sabiex iżommu relazzjonijiet tajbin ma' Washington filwaqt li jibbilanċjaw l-interessi reġjonali. Il-kritiċi qalu li dawn in-nazzjonijiet mhux dejjem aġixxew b'mod effettiv għad-drittijiet tal-poplu Palestinjan.

Il-Bord tal-Paċi: kollezzjoni ta' pajjiżi dittatorjali u abbużivi lejn id-drittijiet umani

Bosta analisti u osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem innotaw li l-maġġor parti tal-pajjiżi li ssieħbu fl-hekk imsejjaħ Bord tal-Paċi huma pajjiżi li għandhom reputazzjoni pjuttost mtappna fejn jidħlu l-oqsma tad-drittijiet umani u l-liġi internazzjonali. Ħafna mill-pajjiżi li għażlu li jissieħbu huma pajjiżi awtokratiċi, dittatorjali jew li għandhom demokrazija difettuża. Fost dawn hemm l-Ażerbajġan, il-Belarus, it-Turkija, l-Eġittu u l-Każakstan.

Hemm ukoll il-pajjiżi Għarab immexxija minn monarkiji li għadhom igawdu minn poteri kostituzzjonali kbar li jirrestrinġu d-demokrazija; fosthom uħud mill-monarkiji tal-Golf (l-Għarabja Sawdija, il-Qatar, il-Baħrejn u l-Emirati Għarab Magħquda), il-Ġordan u l-Marokk. Ma' dawn ingħaqdet ukoll l-Eġittu, li fi snin riċenti rat lill-President iġedded it-terminu tiegħu b'mod ripetut f'atti li ġew meqjusa bħala dittatorjali. 

Imsieħba fil-bord hemm pajjiżi li huma stess fl-imgħoddi jew fil-preżent kellhom involviment f'kunflitti relatati mal-okkupazzjoni jew it-teħid tal-art bil-forza. Il-Marokk ilha tokkupa b'mod illegali u toppressa lis-Saħara tal-Punent sa mill-1975. Fl-imgħoddi, l-Indoneżja kienet invadiet u okkupat lit-Timor tal-Ilvant bejn l-1975 u l-1999, fejn wettqet ġenoċidju fuq il-poplu Timoriż.

More in Barranin