Trump jirreaġixxi b'rabja għall-ġudizzju tal-Qorti Suprema u jimponi tariffi ġodda ta' 10%

F'ġudizzju deskritt bħala wieħed redikolu u mhux patrijottiku mill-President Amerikan, il-Qorti kkonkludiet li l-President Amerikan ma kellux is-setgħa li jistabbilixxi tariffi unilateralment fuq l-importazzjonijiet lejn l-Istati Uniti.

Il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti
Il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump wieġeb b’rabja għad-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti. Hekk kif huwa ddenunzja mħallfin individwali waqt konferenza stampa, huwa wiegħed li se jkompli bil-gwerra kummerċjali globali li żammet lid-dinja fuq ix-xwiek għal sena sħiħa.

F'ġudizzju li ngħata l-Ġimgħa, il-qorti kkonkludiet li l-President Amerikan ma kellux is-setgħa li jistabbilixxi tariffi unilateralment fuq l-importazzjonijiet lejn l-Istati Uniti.

Waqt li ma kienx imxekkel minn dak li huwa ripetutament sejjaħ bħala deċiżjoni redikola, Trump ħabbar tariffa ġdida immedjata ta’ 10% fuq l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kollha, apparti minn kwalunkwe tariffa eżistenti, u mbagħad ħareġ proklamazzjoni li ddaħħalhom fis-seħħ. Il-liġi tippermettilu jimponi imposta sa 15% għal 150 jum, għalkemm din il-liġi taf tiffaċċja sfidi legali.

Id-deċiżjoni storika tal-qorti ta’ 6-3 qalbet l-influwenza li Trump u l-esponenti tal-amministrazzjoni tiegħu użaw fuq gvernijiet barranin fuq il-mejda tan-negozjati sabiex isawru mill-ġdid ir-relazzjonijiet diplomatiċi u s-swieq globali matul din l-aħħar sena.

Id-deċiżjoni ta' Trump wasslet sabiex l-indiċi tal-ishma tal-Istati Uniti jogħlew għal ħin qasir, qabel ma spiċċat modestament ogħla hekk kif l-analisti wissew dwar konfużjoni mġedda fis-swieq globali waqt li jistennew il-passi li jmiss ta’ Trump.

Sigħat wara d-deċiżjoni, Trump iffirma ordni eżekuttiva li tħassar it-tariffi li l-qorti waqqgħet, u ħareġ ukoll proklamazzjoni li timponi dazju ta’ 10% fuq il-biċċa l-kbira tal-oġġetti importati fl-Istati Uniti għal 150 jum, li jagħti eżenzjonijiet għal ċerti oġġetti inklużi minerali kritiċi, metalli u prodotti tal-enerġija, qalet il-White House.

Id-deċiżjoni poġġiet f’dubju l-ftehimiet kummerċjali li l-mibgħuta ta’ Trump innegozjaw f’dawn l-aħħar xhur taħt it-theddida ta’ tariffi għoljin. Il-ġudizzju tal-qorti ħalla f'inċertezza dwar il-futur tas-somma ta' $175 biljun li Trump ġabar mill-importaturi tal-Istati Uniti taħt dak li l-qorti qalet li kien l-interpretazzjoni żbaljata tiegħu tal-liġi.

“Nistħi għal ċerti membri tal-qorti, assolutament nistħi, talli ma kellhomx il-kuraġġ li jagħmlu dak li hu tajjeb għal pajjiżna,” qal Trump lill-ġurnalisti fil-White House, fejn ilmenta li pajjiżi barranin kienu ferħanin u “jiżfnu fit-triq.”

Huwa insinwa, mingħajr evidenza, li l-maġġoranza tal-qorti ċediet għall-influwenza barranija: "Huma ferm mhux patrijottiċi u mhux leali lejn il-Kostituzzjoni tagħna. Fl-opinjoni tiegħi, il-qorti ġiet influwenzata minn interessi barranin u moviment politiku li huwa ħafna iżgħar milli n-nies qatt jaħsbu."

Minn meta rritorna fil-White House 13-il xahar ilu, Trump qal li kellu dak li l-qorti ġabret fil-qosor bħala "s-setgħa straordinarja li jimponi unilateralment tariffi ta' ammont, tul u ambitu mingħajr limitu." Filwaqt li semma emerġenza nazzjonali, huwa qal li l-Att Internazzjonali dwar is-Setgħat Ekonomiċi ta' Emerġenza (IEEPA) fisser li seta' jistabbilixxi tariffi bi kwalunkwe rata li jagħżel.

Il-qorti msejsa l-opinjoni tagħha, li nkitbet mill-Prim Imħallef John Roberts, b'kwotazzjoni mill-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti: "Il-Kungress għandu jkollu s-setgħa li jistabbilixxi u jiġbor taxxi, dazji, imposti u dazji tas-sisa."

L-argument mill-amministrazzjoni Trump li kienet identifikat proviżjoni legali, simili għall-proviżjonijiet riżervati għal stati ta' emerġenza bħal gwerer, li tippermetti lill-President Amerikan sabiex jimponi t-tariffi unilateralment. Iżda madanakollu, dan l-argument li tressaq bl-għan sabiex jiġu ġġustifikati l-azzjonijiet ta' Trump ma rnexxilux jipperswadi lill-qorti.

"Il-Gvern għalhekk jammetti, kif bilfors irid, li l-President ma jgawdi l-ebda awtorità inerenti li jimponi tariffi matul żmien ta' paċi," kiteb Roberts. "U ma jiddefendix it-tariffi kkontestati bħala eżerċizzju tas-setgħat tal-President. L-Istati Uniti, wara kollox, mhijiex fi gwerra ma' kull nazzjon fid-dinja."

Minkejja d-deċiżjoni tal-Qorti li kkonkludiet li d-deċiżjoni tal-President Trump kienet 'il barra mill-parametri tal-kapaċitajiet us s-setgħat tal-President, Trump qal lill-ġurnalisti li d-deċiżjoni tal-Qorti hija ''redikola'', iżda kompla jgħid li ''ma ġara xejn, għax għandna modi oħra, bosta modi oħra.''

 

More in Barranin