Tkompli tiggrava l-kriżi tal-enerġija f'Kuba minħabba l-imblokk tal-Istati Uniti
Il-President Messikana Claudia Sheinbaum ikkritikat l-inġustizzja kkaġunata mill-imblokk tal-Istati Uniti, hekk kif pajjiżha jkompli jibgħat iżjed għajnuna umanitarja lejn Kuba
minn Eman Farrugia
Uffiċjali tal-avjazzjoni Kubani wissew lil-linji tal-ajru li m'hemmx biżżejjed fjuwil biex l-ajruplani jimtlew mill-ġdid fil-gżira, hekk kif Kuba qiegħda tkompli taffaċċja kriżi tal-enerġija minħabba l-imblokk tal-fjuwil impost mill-Istati Uniti.
Il-gvern ta' Kuba ppubblika l-avviżi lill-linji tal-ajru u lill-piloti nhar il-Ħadd filgħaxija, fejn wissa li l-fjuwil tal-ajruplani mhux se jkun disponibbli f'disa' ajruporti madwar il-gżira, inkluż l-Ajruport Internazzjonali José Martí f'Havana, mit-Tlieta 'l quddiem u sal-11 ta' Marzu.
Il-pressjoni politika mill-President Amerikan Donald Trump fuq l-Amerika Latina effettivament qatgħet l-aċċess ta' Kuba għas-sorsi primarji taż-żejt tagħha, illi huma l-Veneżwela u l-Messiku. Fl-aħħar ta' Jannar, Trump iffirma ordni eżekuttiva li timponi tariffi fuq kwalunkwe prodotti minn pajjiżi li jbigħu jew jipprovdu żejt lil Kuba, mossa li qiegħda tkompli tiżola lil Kuba hekk hija milquta minn kriżi tal-enerġija li qed tikber.
L-ordni primarjament iżżid pressjoni fuq il-Messiku, fejn il-gvern aġixxa bħala linja tas-salvataġġ taż-żejt għal Kuba u esprima solidarjetà ma' dan l-avversarju tal-Istati Uniti, anke hekk kif il-President Claudia Sheinbaum fittxet li tibni relazzjoni b'saħħitha ma' Trump.
F'Jannar kien hemm spekulazzjoni li l-Messiku kien se jnaqqas il-konsenji taż-żejt lejn Kuba taħt pressjoni dejjem tikber minn Sur Trump biex jiddistanzja ruħu minn Kuba, iżda nhar it-Tnejn, Sheinbaum qalet li pajjiżha kien se joffri aktar għajnuna lil Kuba.
Il-gvern Messikan jibgħat għajnuna umanitarja lil Kuba abbord żewġ vapuri tal-militar
"Se jkun hemm aktar appoġġ għal Kuba," qalet nhar it-Tnejn hekk kif aktar minn 800 tunnellata ta' għajnuna umanitarja tgħabbew fuq vapuri tal-militar Messikan biex jiġu ttrasportati lejn il-port ta' Ħavana f'Kuba. Hija qalet li l-Messiku kien qed jieħu l-passi diplomatiċi meħtieġa biex jerġa' jibda l-konsenji taż-żejt lejn Kuba.
"Ħadd ma jista' jinjora s-sitwazzjoni li l-poplu Kuban qed jesperjenza bħalissa minħabba s-sanzjonijiet li qed jiġu imposti mill-Istati Uniti fuq kwalunkwe pajjiż li jibgħat iż-żejt, b'mod inġust ħafna," qalet Sheinbaum lill-ġurnalisti.
Kelliem għall-ministeru tal-affarijiet barranin fiċ-Ċina, li jżomm ukoll rabtiet mill-qrib ma’ Kuba, qal li ċ-Ċina, “tappoġġja bis-sħiħ lil Kuba fis-salvagwardja tas-sovranità u s-sigurtà nazzjonali tagħha, u topponi l-indħil barrani,” u żied jgħid li pajjiżu “dejjem se jipprovdi appoġġ u għajnuna lin-naħa Kubana bl-aħjar mod possibbli.”
Kriżi tal-enerġija li qed taffettwa lil Kuba lil hinn mill-fjuwil tal-ajurplani
Uffiċjali Kubani ħabbru wkoll li l-ħinijiet tal-banek tnaqqsu u li l-avvenimenti kulturali ġew sospiżi. F'Ħavana, s-sistema tat-trasport pubbliku ġiet effettivament sospiża. Il-kriżi tal-enerġija ġiegħlet ukoll is-sospensjoni ta' avvenimenti ewlenin bħall-Fiera Internazzjonali tal-Ktieb ta' Ħavana u s-sospensjoni ta' staġuni sportivi.
Il-banek fil-pajjiż kellhom inaqqsu l-ħinijiet tal-operat u l-kumpaniji tad-distribuzzjoni tal-fjuwil qalu li mhux se jibqgħu jbigħu l-petrol f'pesos Kubani, u li l-bejgħ se jsir f'dollari Amerikani u limitat għal madwar 5 galluni għal kull xerrej
Nhar il-Ħamis, il-President Kuban Miguel Díaz-Canel għamel diskors televiżiv ta' sagħtejn, fejn irrikonoxxa l-impatt u wissa li se jittieħdu miżuri fil-jiem li ġejjin.
Is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti kontra Kuba ilhom fis-seħħ sa mis-suċċess tar-Rivoluzzjoni Kubana taħt it-tmexxija ta' Fidel Castro fl-1959 u ilhom ifixklu l-iżvilupp tal-ekonomija ta' Kuba għal matul dawn l-aħħar sitt diċennji. Iżda s-sanzjonijiet laħqu livelli estremi ġodda wara li operazzjoni militari tal-Istati Uniti waqqgħet lill-eks President Venezwelan Nicolás Maduro, hekk kif Trump beda jaġixxi b'mod aktar konfrontazzjonali mal-Amerika Latina.
Għal ħafna Kubani, il-kriżi irriżultat fi qtugħ tad-dawl li jdum sa 10 sigħat kuljum, nuqqas ta' fjuwil għall-vetturi, u nuqqas ta' ikel jew mediċina. Il-kriżi attwali qiegħda titqies bħala waħda agħar mid-depressjoni ekonomika severa li għadda minnu l-pajjiż fis-snin disgħin wara tnaqqis fl-għajnuna mill-Unjoni Sovjetika li ddiżintegrat ftit wara fl-1991.
