Il-politiċi Franċiżi approvaw bil-maġġoranza proposta li se tipprojbixxi l-użu ta’ pjattaformi tal-midja soċjali għal tfal taħt l-15-il sena. Din il-miżura, appoġġjata b’saħħitha mill-President Emmanuel Macron, għandha l-għan li tipproteġi lit-tfal minn eċċess ta’ żmien fuq l-iskrin.
Il-Kamra Nazzjonali, adottat il-proposta b’130 vot favur kontra 21, f’sessjoni twila li bdiet ilbieraħ. Issa, il-liġi se tmur fis-Senat, qabel ma ssir uffiċjali.
Fil-post tiegħu fuq X, Macron iddeskriva l-vot bħala “pass kbir” biex jitħares il-benesseri emozzjonali tat-tfal uż-żgħażagħ Franċiżi. “L-emozzjonijiet tat-tfal tagħna mhumiex għall-bejgħ jew biex jiġu manipulati, kemm minn pjattaformi Amerikani kif ukoll minn algoritmi Ċiniżi,” qal f’video.
Il-proposta, li tinkludi wkoll il-projbizzjoni tal-użu ta’ mobile phones fi skejjel sekondarji, tagħmel lil Franza t-tieni pajjiż fid-dinja li jieħu pass simili, wara l-Awstralja li f’Diċembru ħabbret projbizzjoni għal tfal taħt it-16-il sena.
L-għan tal-awtoritajiet huwa li l-miżuri jibdew jiġu implimentati mill-bidu tas-sena skolastika 2026. Skont Gabriel Attal, eks-Prim Ministru u mexxej tal-partit Renaissance tal-President Macron fil-Kamra Nazzjonali, il-miżura se tidħol fis-seħħ fil-1 ta’ Settembru jekk is-Senat jaqbel sal-medju ta’ Frar. Pjattaformi soċjali jkollhom sal-31 ta’ Diċembru biex inaqqsu kontijiet eżistenti li ma jikkonformawx mal-limitu tal-età.
Filwaqt li l-Aġenzija Franċiża għas-Saħħa Pubblika (ANSES) ħabbret li pjattaformi bħall-TikTok, Snapchat u Instagram jistgħu jkunu perikolużi għat-tfal, speċjalment għall-bniet.
Il-proposta stipulat li “l-aċċess għal servizz ta’ netwerking onlajn huwa projbit għal minuri taħt l-età ta’ 15-il sena.”Sistema effettiva ta’ verifika tal-età għandha tidħol fis-seħħ biex il-projbizzjoni jkun operattiv, u bħalissa qed isir xogħol fuq livell Ewropew biex tiġi implimentata.
Dan il-pass jinkludi wkoll il-projbizzjoni tal-użu ta’ mobile phones fi skejjel sekondarji, miżura li Franza bdiet timplimenta għal studenti ta’ bejn 11 u 15-il sena fl-2018.
Fl-Awstralja, li saret l-ewwel pajjiż li imponew età minima għall-midja soċjali, il-miżura obbligat il-pjattaformi kbar biex jibblokkaw kontijiet ta’ tfal taħt it-16-il sena, b’penali li jistgħu jilħqu €28 miljun jekk ma jikkonformawx.