Nhar is-Sibt, Alex Pretti, infermier Amerikan, qalla tir fatali mingħand uffiċjali tal-għassa tal-fruntieri li ħallih mejjet inqas minn xahar wara li uffiċjal tal-ICE spara u qatel lil Renee Good omm ta' 37 sena fl-istess stat.
Dan l-inċident amplifika l-protesti ċivili fl-Amerka, speċjalment meta ħarġu filmati tal-uffiċjali li sparawlu ħadulu l-arma li kellu f'idejh Pretti. Pretti kien qiegħed f'protesta, waqt li jidher f'filmat qed jippruva jgħin mara tqum minn mal-art, fejn wara l-uffiċjali ħadulu l-arma u sparawlu.
Numru ta' uffiċjali mlaħħin, inkluż il-kmandant tal-għassa tal-fruntieri Greg Bovino farfru mir-responsabbilta' tal-mewt ta' Pretti meta qal li l-vittma kien qed jimpedi l-uffiċjali tiegħu milli jagħmlu dmirijiethom waqt investigazzjoni, xi ħaġa li s-Segretarja tas-Sigurta' Interna Amerikana Kristi Noem iddiskriviet bħala reat. Filwaqt li uffiċjali tal-istat, inkluż il-Kummissarju tal-Pulizija ta' Minnesota Brian O'Hara qal li Pretti kien qed jeżerċita d-drittijiet kostituzzjonali tiegħu.
Noem tat rendikont ta' x'ġara fejn qalet li allegatament Pretti avviċina l-uffiċjali b'senter u "irreżista vjolentament" meta dawn l-uffiċjali ppruvaw jieħdu l-arma ta' Pretti.
Bosta ilħna, kemm Demokratiċi inkluż l-eks president Amerikan Barack Obama u anke senaturi Repubblikani qed jitolbu għal investigazzjoni ċara fl-inċident li wassal għall-mewt tal-infermier ta' kura intensiva fi sptar ta' veterani tal-gwerra li kien qed jipprotesta kontra l-qtil ta' Renee Good.