Il-Kunsill tas-Sigurtà tal-UN approva riżoluzzjoni draftjata mill-Istati Uniti li tinkludi l-pjan ta’ 20 punt ta’ Donald Trump għas-sitwazzjoni f’Gaza – pass li l-Istati Uniti ddeskrivew bħala “storiku” u li qed jitqies bħala l-bażi ta’ konsolidament tal-waqfien mill-ġlied.
Tlettax-il stat, fosthom ir-Renju Unit, Franza u s-Somalja, ivvutaw favur ir-riżoluzzjoni, filwaqt li ħadd ma vvota kontra. Ir-Russja u ċ-Ċina astjenew, bil-Moskva u Beijing jikkritikaw in-nuqqas ta’ ċarezza dwar il-mekkaniżmi proposti kif ukoll in-nuqqas ta’ impenn għal soluzzjoni ta’ żewġ stati.
Kelliem għal Segretarju Ġenerali Antonio Guterres iddeskriva l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni bħala “pass importanti biex tissaħħaħ il-paċi u l-waqfien mill-ġlied”. Madankollu, ir-raġuni għalfejn l-approvazzjoni qed tqajjem kontroversja hija l-introduzzjoni ta’ żewġ strutturi ġodda: il-Forza Internazzjonali ta’ Stabbilizzazzjoni (ISF) u l-Bord tal-Paċi (BoP).
Hamas tirrifjuta l-pjan: “amministrazzjoni internazzjonali imposta fuq Gaza”
Hamas ċaħdet ir-riżoluzzjoni, sostniet li tmur kontra d-drittijiet tal-Palestinjani u li tipprova timponi mekkaniżmu ta’ “kustodja internazzjonali” fuq Gaza. Fi stqarrija fuq Telegram, il-moviment qal li l-pjan – b’mod partikolari l-ħatra tal-ISF – ineħħi n-newtralità tal-forza billi jagħti rwol attiv ta’ diżarm fi ħdan il-Gaza Strip.
Il-pjan jinkludi l-ħolqien ta’ forza internazzjonali li se taħdem flimkien ma’ Iżrael u l-Eġittu, kif ukoll ma’ forza tal-pulizija Palestinjana. L-ISF se tkun responsabbli li tassigura ż-żoni tal-fruntieri u timplimenta l-proċess biex jiġu diżarmati l-gruppi armati mhux statali, inkluż Hamas.
Barra mill-ISF, ir-riżoluzzjoni toħloq ukoll il-Bord tal-Paċi (BoP), korp ta’ governanza tranżitorja li għandu jissorvelja l-ħidma ta’ kumitat teknokratiku Palestinjan u jara li l-għajnuna umanitarja u l-proċess ta’ rikostruzzjoni ta’ Gaza jimxu bla xkiel.
Il-finanzjament tar-rikostruzzjoni għandu jgħaddi minn fond fiduċjarju mmexxi mill-Bank Dinji, filwaqt li kemm l-ISF kif ukoll il-BoP se jaħdmu qrib ma’ korpi Palestinjani lokali.
Trump, li hu mistenni jkun il-President tal-BoP, laqa’ l-vot bħala “storiku” u sostna li jagħti “approvazzjoni u rikonoxximent uffiċjali” lill-mekkaniżmi l-ġodda. Fuq Truth Social qal li r-riżultat “huwa wieħed mill-akbar approvazzjonijiet fl-istorja tal-UN”.
Filwaqt li Iżrael baqa’ oppost għall-ħolqien ta’ stat Palestinjan, stati Għarab eżerċitaw pressjoni fuq min ddeffes ir-riżoluzzjoni biex tinkludi l-kunċett ta’ “awtodeterminazzjoni” tal-Palestinjani. L-Istati Uniti, l-Awtorità Palestinjana, u diversi pajjiżi Għarab u Musulmani – fosthom l-Eġittu, is-Sawdi u t-Turkija – għamlu appell għal adozzjoni rapida tar-riżoluzzjoni bħala parti minn strateġija usa’ biex tinkiseb stabbiltà fir-reġjun.
Kritika Russa u Ċiniża
Għalkemm astjenew, it-tnejn qalu li r-riżoluzzjoni tonqos milli tipprovdi biżżejjed dettalji dwar min se jifforma l-mekkaniżmi proposti u kif se tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tan-NU. Żiedu jgħidu li l-pjan jonqos milli jafferma b’mod ċar l-impenn lejn soluzzjoni ta’ żewġ stati – prinċipju li għalih żammew kontinwament.
L-ewwel fażi diġà għaddejja
L-ewwel fażi tal-pjan daħlet fis-seħħ fl-10 ta’ Ottubru meta sar il-proċess ta’ skambju ta’ ostaġġi u detenuti bejn Iżrael u Hamas. Din il-fażi kienet meqjusa bħala l-bażi biex tintlaħaq paċi aktar fit-tul, għalkemm il-kunflitt politiku u diplomatiku li ħareġ minn din ir-riżoluzzjoni jindika li t-triq tibqa’ twila u kumplessa.
Ir-riżultat tal-vot tallejla jiftaħ kapitlu ġdid u kontroversjali fl-isforzi internazzjonali biex tintlaħaq paċi sostenibbli f’Gaza, b’ħafna għajnejn issa mdawrin lejn kif l-ISF u l-BoP se jiġu ffurmati u x’inhuma l-konsegwenzi tagħhom għall-poplu Palestinjan u għall-istabbiltà tar-reġjun.