Il-militar Iżraelit beda jirtira l-forzi tiegħu minn Gaza wara ftehim ta’ waqfien mill-ġlied ma’ Hamas, hekk kif il-Palestinjani bdew jerġgħu lura lejn in-naħa tat-Tramuntana ta’ Gaza.
Skont il-militar Iżraelit, il-waqfien mill-ġlied daħal fis-seħħ f’nofsinhar tal-Ġimgħa skont il-ħin lokali, bl-irtirar jibda ftit wara li l-kabinett Iżraelit approva l-pjan ta’ waqfien mill-ġlied propost mill-President Amerikan Donald Trump.
L-uffiċċju tal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu kkonferma li l-kabinett approva l-qafas ġenerali tal-ftehim, li jiffoka fuq ir-rilaxx tal-ostaġġi. Skont il-pjan, il-forzi Iżraeliti għandhom 24 siegħa biex itemmu l-irtirar tagħhom, u wara jibda perjodu ta’ 72 siegħa biex jiġi faċilitat ir-rilaxx gradwali tal-ostaġġi kollha li fadal.
Uffiċjal Amerikan ħabbar li t-truppi Amerikani se jgħinu biex jissorveljaw il-waqfien mill-ġlied u t-tranżizzjoni lejn amministrazzjoni ċivili f’Gaza.
L-istess uffiċjal żied jgħid li persunal militari mill-Eġittu, il-Qatar, it-Turkija u l-Emirati Għarab Magħquda se jingħaqdu mat-truppi Amerikani bħala parti minn tim multinazzjonali ta’ monitoraġġ li se jikkoordina mal-militar Iżraelit.
Għalkemm ma ġewx kondiviżi dettalji speċifiċi dwar ir-rwol ta’ kull pajjiż, l-uffiċjal innota li t-truppi Amerikani involuti għandhom esperjenza f’oqsma bħat-trasport, l-ippjanar, is-sigurtà, il-loġistika u l-inġinerija.