Dirett minn Strasburgu | Id-diskors ta' Ursula von der Leyen

F'Settembtu, l-Parlament Ewropew fi Strasburgu jsir iċ-ċentru tal-attenzjoni meta l-President tal-Kummissjoni Ewropea twassal id-Diskors tal-Istat tal-Unjoni 

 

 

Fil-bidu ta’ kull Settembru, il-Parlament Ewropew fi Strasburgu jsir iċ-ċentru tal-attenzjoni politika Ewropea permezz tad-Diskors tal-Istat tal-Unjoni. Dan id-diskors, magħruf bħala l-“State of the Union”, jingħata mill-President tal-Kummissjoni Ewropea quddiem il-Membri tal-Parlament Ewropew u hu wieħed mill-avvenimenti politiċi l-aktar importanti fil-kalendarju tal-Unjoni.

X’inhu l-Istat tal-Unjoni?

Id-Diskors tal-Istat tal-Unjoni huwa opportunità għall-President tal-Kummissjoni Ewropea biex jippreżenta r-rapport dwar ix-xogħol tal-Unjoni, il-kisbiet li saru matul is-sena u l-isfidi li għad hemm quddiemna. Fl-istess waqt, jitħabbru l-prijoritajiet politiċi u leġiżlattivi għas-sena li ġejja, u jingħata direzzjoni ċara dwar il-viżjoni tal-Kummissjoni għall-futur.

Dan il-mument hu wkoll eżerċizzju ta’ trasparenza u rendikont, fejn il-Kummissjoni tispjega lill-MPE u, b’mod aktar wiesa’, liċ-ċittadini Ewropej x’qed tagħmel u għaliex.

Għal ħafna osservaturi u mexxejja Ewropej, id-diskors f’Strasburgu hu paragunabbli mad-Diskors tal-Istat tan-Nazzjon li jsir fl-Istati Uniti. Huwa mument fejn jiġu enfasizzati temi kruċjali bħall-ekonomija, il-politika soċjali, it-tranżizzjoni ekoloġika, il-migrazzjoni, is-sigurtà, u l-politika barranija tal-UE.

F’perjodi ta’ kriżi – bħall-pandemija tal-COVID-19 jew il-gwerra fl-Ukrajna – dan id-diskors kiseb saħansitra iktar prominenza, billi jagħti direzzjoni u ċarezza dwar kif l-Unjoni se taffaċċja dawn l-isfidi globali.

Wara l-preżentazzjoni, isegwi dibattitu fil-Parlament Ewropew fejn il-Membri mill-gruppi politiċi differenti jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jagħtu appoġġ jew jikkritikaw il-proposti, u jressqu ideat alternattivi. Dan il-proċess juri l-qalba tad-demokrazija Ewropea: il-kontabilità u d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet.

Barra mill-ħitan tal-Parlament, id-diskors jiġi segwit mill-midja u miċ-ċittadini fl-istati membri kollha. Għal ħafna, dan huwa mument biex iħossu iktar viċin l-UE u jifhmu kif il-politiki Ewropej jistgħu jaffettwaw il-ħajja tagħhom ta’ kuljum – mill-prezz tal-enerġija, għall-opportunitajiet ta’ xogħol, sal-protezzjoni tal-ambjent.

Id-Diskors tal-Istat tal-Unjoni fi Strasburgu m’huwiex biss ritwal annwali, iżda avveniment li jħares lejn il-futur tal-Ewropa. Hu mument ta’ bilanċ u analiżi, iżda wkoll ta’ ambizzjoni u viżjoni. Għalhekk, kull sena, il-ħarsa tal-kontinent tiffoka lejn Strasburgu biex tisma’ x’qed tiġi proposta bħala l-mixja li jmiss għall-Unjoni Ewropea.

Metsola tħabbar dibattitu “ħaj” dwar l-isfidi tal-UE​

Ritratt: Jaelle Borg
Ritratt: Jaelle Borg

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, qabel bdiet il-plenarja f’Strasburgu, sostniet li l-laqgħa se tkun waħda intensa u mimlija skambju ta’ ideat. Hi spjegat li l-aspettattiva tagħha hi ta’ “dibattitu ħaj u sinifikanti” li jmiss direttament il-ħtiġijiet taċ-ċittadini Ewropej.

Metsola qalet li n-nies madwar l-Ewropa qed jistennew risposti konkreti fuq temi essenzjali bħax-xogħol, is-sigurtà, aċċess ugwali għall-opportunitajiet u l-possibbiltà li jgħixu ħajja diċenti taħt saqaf sigur.

Hi enfasizzat ukoll fuq il-ħtieġa li l-UE tnaqqas il-piżijiet burokratiċi fuq in-negozji, u fl-istess ħin iżżomm impenn soda fil-protezzjoni tal-valuri demokratiċi.

Il-President tal-Parlament Ewropew insistiet li l-isfidi tas-sigurtà jeħtieġu aktar investiment fid-difiża u ppreparazzjoni aħjar biex l-Ewropa tkun kapaċi tħares lejn il-futur b’aktar serħan il-moħħ. Hija semmiet ukoll l-importanza tal-għaqda quddiem kriżijiet globali, inkluża l-gwerra fl-Ukrajna u t-tensjonijiet fil-Lvant Nofsani.

“Il-messaġġ ċar hu wieħed ta’ għaqda u determinazzjoni sabiex l-Unjoni tibqa’ strument ta’ paċi u stabbiltà, kemm ġewwa l-fruntieri tagħha u kif ukoll lil hinn minnhom,” temmet Metsola.

Ritratt: Jaelle Borg
Ritratt: Jaelle Borg

Membri tal-PE jilbsu l-aħmar u l-iswed f’solidarjetà ma’ Gaża

Grupp ta’ Membri Parlamentari Ewropej u membri tal-persunal affiljati mal-grupp soċjal-demokratika, kif ukoll rappreżentanti tal-Ħodor u tax-xellug ingħaqdu flimkien biex josservaw minuta ta’ silenzju quddiem l-entratura tas-sala plenarja tal-Parlament Ewropew.

Il-parteċipanti libsu ħwejjeġ suwed u ħomor, bħala referenza għall-kuluri tal-bandiera Palestinjana, bħala ġieħ lil dawk li tilfu ħajjithom fil-kunflitt li għaddej fil-Gaza.

L-inizjattiva kienet simbolu ta’ solidarjetà u ta’ appell biex il-vuċi tal-vittmi tibqa’ tidwi. 

Von der Leyen: “Ma nistgħux nistennew li t-tempesta tgħaddi”

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, fetħet id-diskors tagħha b’dikjarazzjoni qawwija: “Id-dinja l-antika tal-ġeopolitika spiċċat, u trid toħroġ Ewropa ġdida.”

Von der Leyen iddispjaċiha li l-invażjoni Russa fuq skala sħiħa tal-Ukrajna għadha għaddejja, u wissiet kontra r-realtà li “d-dipendenzi qed jintużaw bħala arma bla ħniena.” Din kienet osservazzjoni li tista’ tiġi indirizzata mhux biss lejn Moska, iżda wkoll lejn Washington.

Skont il-President tal-Kummissjoni, l-Unjoni Ewropea trid issir ħafna iktar soda biex tilħaq l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħha. “In-nies qed iħossu l-art taqa' taħthom, qed iħossu l-ħajja ssir iktar iebsa. Ma nistgħux nistennew li t-tempesta tgħaddi. Dan is-sajf tana prova li m’hemmx ħin għall-ibħra kalmi jew nostalġija,” sostniet.

Von der Leyen enfasizzat li bħalissa qed jinħadmu l-linji tal-battalja għal ordni dinji ġdid, u li l-Ewropa trid tiddefinixxi lilha nfisha f’dan il-kuntest. Hija qalet li s-sigurtà u l-valuri Ewropej ma jistgħux jibqgħu jistrieħu fuq dak li kien, iżda jridu jiġu aġġustati għar-realtajiet ġodda.

Programm Ġdid Ewropew għall-Għajnuna Militari lill-Ukrajna

Il-Kummissjoni Ewropea se tniedi programm ġdid imsejjaħ Qualitative Military Edge bil-għan li jsaħħaħ l-investiment fil-kapaċitajiet tal-forzi armati Ukreni. Dan ħabbritu l-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, waqt id-diskors tagħha.

Għalkemm bħalissa għadu mhux ċar minn fejn se joriġina l-finanzjament u kif dan se jikkoordina mal-istrutturi eżistenti tan-NATO – fosthom il-Ukraine Defence Contact Group, li hija pjattaforma ddedikata għall-appoġġ militari – Von der Leyen sostniet li l-għan hu wieħed ċar: “Finanzjament għal forzi armati Ukreni b’saħħithom bħala l-ewwel linja ta’ garanziji ta’ sigurtà.”

Il-President tal-Kummissjoni kienet qed tirrifletti kliem il-President Franċiż Emmanuel Macron u l-Kanċillier Ġermaniż Friedrich Merz, li wkoll kienu saħqu fuq il-ħtieġa li l-Ukrajna tibqa’ appoġġjata b’mod strateġiku fit-tul.

VDL tipproponi “Self ta’ Riparazzjonijiet” għall-Ukrajna

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, ressqet idea ġdida biex ikompli jiġi ffinanzjat l-isforz tal-gwerra tal-Ukrajna: “Self ta’ Riparazzjonijiet.”

Il-kunċett jikkonsisti fl-użu tal-“cash balances” marbuta ma’ kważi €200 biljun f’assi Russi li bħalissa jinsabu ffriżati fl-Ewropa. Dawn l-assi ma jkunux jintmessu direttament, iżda l-flus disponibbli tagħhom jintużaw bħala garanzija biex jingħata self lil Kyiv. Skont Von der Leyen, l-Ukrajna tkun tista’ tibbenefika minnufih minn dan il-mekkaniżmu, iżda l-ħlas lura jsir biss meta r-Russja, eventwalment, tkun obbligata tħallas riparazzjonijiet għall-ħsara kkawżata mill-invażjoni.

Din il-proposta, li fil-passat kienet ġiet imwarrba minħabba l-perikli legali u finanzjarji tagħha, mistennija tqajjem reżistenza ġdida fost xi stati membri. Il-Belġju – fejn tinsab il-parti l-kbira ta’ dawn l-assi immobilizzati – x’aktarx jibqa’ wieħed mill-aktar pajjiżi skeptiċi. Huwa mistenni li l-gvernijiet nazzjonali jitolbu lill-Kummissjoni ċarezza sħiħa dwar il-mekkaniżmu qabel ma jinstab xi ftehim.

 

More in Barranin