L-eks President u l-eks deputat Prim Ministru jitolbu azzjoni Ewropea fuq Gaza

L-eks President Marie Louise Coleiro Preca u l-eks Deputat Prim Ministru Louis Grech  jiktbu ittra lill-mexxejja tal-UE fejn talbu azzjoni immedjata u deċiżiva dwar Gaza

Ritratt: James Bianchi/MaltaToday
Ritratt: James Bianchi/MaltaToday

L-eks President Marie Louise Coleiro Preca u l-eks Deputat Prim Ministru Louis Grech appellaw lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex jonoraw ir-responsabbiltajiet legali, morali u politiċi tagħhom quddiem l-atroċitajiet li għaddejjin f’Gaza.

F’konferenza tal-aħbarijiet, huma qalu b’mod ċar li l-istituzzjonijiet Ewropej mhumiex jaġixxu f’isimhom. “Il-qtil u l-ġuħ tat-tfal u taċ-ċivili mhumiex ħsara kolaterali, iżda ksur serju u deumanizzanti tad-drittijiet fundamentali,” sostnew.

Coleiro Preca u Grech, flimkien ma’ grupp ta’ firmatarji oħra, ressqu ittra miftuħa indirizzata lill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, lill-President tal-Kunsill Ewropew António Costa u lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.

Fl-ittra tagħhom, huma talbu biex l-Unjoni Ewropea tagħraf l-Istat Palestinjan skont il-liġi internazzjonali u fil-kuntest tad-dikjarazzjoni tagħha favur soluzzjoni ta’ żewġ stati. Huma insistu wkoll li għandu jkun hemm pressjoni deċiżiva għal waqfien mill-ewwel u permanenti mill-ġlied, filwaqt li l-għajnuna umanitarja, bħall-ikel u l-ilma, trid tidħol minnufih u mingħajr ebda ostaklu. Barra minn hekk, appellaw biex il-partijiet kollha involuti jinżammu responsabbli taħt il-liġi internazzjonali, b’azzjoni effettiva li tista’ tinkludi sanzjonijiet u anke s-sospensjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tal-UE ma’ Iżrael. Huma saħqu fuq il-ħtieġa ta’ embargo fuq l-armi sabiex teknoloġiji u armi Ewropej ma jintużawx kontra l-Palestinjani, u fuq l-oppożizzjoni ċara għal kull espansjoni territorjali jew bidla demografika fiż-żoni okkupati.

“Dan hu l-mument fejn l-Unjoni għandha turi li kapaċi twettaq il-valuri fundamentali tagħha, u tiddefendi d-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem,” qalu l-firmatarji. “Il-kriżi f’Gaza kkompromettiet b’mod serju u profond il-kredibbiltà u r-rilevanza tal-Proġett Ewropew, xi ħaġa li aħna, bħala ċittadini, ma rridux naraw.”

Huma temmew billi wissew li għandu jkun evidenti għall-mexxejja Ewropej li l-istorja se tkun iebsa fil-ġudizzju tagħha u li n-nuqqas ta’ reazzjoni quddiem it-tbatija tal-Palestinjani, il-ħaddiema umanitarji u l-ġurnalisti mhux aċċettabbli. “Imma aħna ma nistennewx il-verdett tal-istorja,” żiedu jgħidu. “Filwaqt li qed iseħħu daqstant ksur brutali, is-skiet mhux diplomazija, id-distakk mhux newtralità, u l-indifferenza lanqas tista’ tiġi ġġustifikata jew difiża.”

More in Barranin