Kien hemm biżżejjed dawl biex ikompli għaddej l-Ajruport ta' Heathrow, skont in-National Grid

Uffiċjali tal-Ajruport ta' Heathrow isostnu li kellhom jagħlqu kollox temporanjament minħabba "l-kumplessità biex is-sistemi kritiċi jerġgħu jibdew jaħdmu"

(Ritratt: Arkivji)
(Ritratt: Arkivji)

Wara ħuġġieġa ħadet il-ħajja fis-substation ta’ North Hyde, qrib l-Ajruport ta’ Heathrow, il-kap eżekuttiv tan-National Grid, John Pettigrew, insista li l-ajruport kellu biżżejjed dawl biex jibqa’ jaħdem minkejja l-inċident.

Huwa spjega li, għalkemm in-nar għamel ħsara lil substation waħda, tnejn oħra baqgħu jaħdmu, u kull waħda minnhom kienet kapaċi tipprovdi d-dawl meħtieġ għall-operat ta’ Heathrow. Pettigrew enfasizza, “Ma kienx hemm nuqqas ta’ kapaċità mis-substations,” filwaqt li sostna li s-sistema hija mibnija biex tibqa' għaddejja jiġri x'jiġri.

Bħala reazzjoni għall-istqarrija ta' Pettigrew, l-uffiċjali tal-Ajruport ta’ Heathrow iddefendew id-deċiżjoni tagħhom li jagħlqu l-ajruport temporanjament. Skonthom, il-proċess li jerġgħu jibdew mill-bidu u jiġu mmaniġġjati s-sistemi kritiċi wara li ġara kien wieħed kumpless sew.

Huma ddeskrivew l-inċident bħala wieħed mingħajr preċedent u saħqu li l-għeluq kien meħtieġ biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-passiġġieri, kif ukoll biex jerġgħu jikkonfiguraw in-networks tad-dawl interni u diversi sistemi oħrajn.

Is-sitwazzjoni wasslet biex kemm il-gvern kif ukoll l-awtoritajiet tal-ajruport jagħtu bidu għal reviżjonijiet u investigazzjonijiet bl-għan li jifhmu eżatt x'ġara biex twaqqfu s-sistemi tal-ajruport kif ukoll biex isaħħu r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika sabiex jiġu evitati inċidenti simili fil-futur.

More in Barranin