Kulħadd ħlief Orbán: l-istati tal-UE kollha jivvutaw favur iktar għajnuna militari lill-Ukranja ħlief l-Ungerija

Il-Prim Ministru tal-Ungerija Viktor Orbán ikompli jipprova jfixkel l-isforzi Ewropej biex titwassal l-għajnuna militari lill-Ukrajna

Viktor Orban, il-Prim Ministru tal-Ungerija
Viktor Orban, il-Prim Ministru tal-Ungerija

Minn 27 stat membru tal-Unjoni Ewropea, l-Ungerija biss, immexxija mill-Prim Ministru Viktor Orbán, ma tikkommettix ruħha biex tkompli tiffornixxi l-Ukrajna bl-għajnuna militari tant meħtieġa f’dawn iż-żminijiet diffiċli.

Dawn l-istati membri jinkludu wkoll Malta, fejn il-Prim Ministru Robert Abela vvota favur iktar nefqa militari minkejja l-bosta drabi li ddikjara l-oppożizzjoni tiegħu kontra n-neqfa militari.

Filwaqt li l-blokk Ewropew qed juri “appoġġ sod għall-indipendenza, sovranità, u integrità territorjali tal-Ukrajna,” il-mexxej Ungeriż ikompli jagħmilha tan-nagħġa s-sewda u jipprova jfixkel l-isforzi tal-bqija tal-kontinent.

Fil-fatt, il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky irreaġixxa għall-imġieba tal-mexxej Ungeriż billi qal, “huwa atteġġjament anti-Ewropew meta persuna waħda tibblokka deċiżjonijiet li huma importanti għall-kontinent kollu jew li diġà kulħadd qabel magħhom.”

Fi stqarrija uffiċjali, l-Unjoni Ewropea qalet li kull stat membru li qabel mal-mozzjoni qed juri impenn biex “inżommu mal-approċċ ta’ “‘paċi permezz tas-saħħa’”, jiġifieri li jiġi żgurat li l-Ukrajna għandha “kapaċitajiet militari u difensivi robusti”.

Fl-istess ħin, l-Unjoni Ewropea qalet li “tinstab lesta biex iżżid il-pressjoni fuq ir-Russja” u li ħa tkompli tagħti kemm appoġġ finanzjarju u kemm appoġġ militari “regolarment”.

Din mhix l-ewwel darba li l-kap tal-Ungerija pprova jitfa’ l-bsaten fir-roti tal-isforz magħmul mill-bqija tal-blokk.

Fil-fatt, kważi waqqaf għalkollox l-issuktar tas-sanzjonijiet kontra r-Russja darbtejn u stati membri oħrajn ipprovaw jaraw x’jagħmlu biex iduru mal-veto tal-Ungerija biex ikunu jistgħu jaħdmu favur l-Ukrajna.

More in Barranin