Il-President tar-Russja Vladimir Putin qabel mal-proposta tal-Amerka għal waqfien mill-ġlied għal 30 jum mal-Ukranja iżda mhux għalkollox. Dan għaliex jixtieq iktar diskussjonijiet u negozjati biex jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet bil-ftehim.
“Aħna naqblu mal-proposta biex inwaqqfu l-ostilitajiet iżda għandha twassal għal paċi dejjiema u tindirizza l-kawżi li qed joħolqu dil-kriżi,” qal il-President Russu.
Putin tefa’ dubji fuq kemm l-Ukranja verament tixtieq tieqaf mill-ġlied u ssuġġerixxa wkoll li n-nazzjon Ukren missu innegozja mal-Amerka minn qabel.
Barra minn hekk, tefa’ dubji wkoll fuq min se jinforza l-waqfien mill-ġlied u min se jiddeċiedi fejn u jekk ikunx sar ksur tal-ftehim tul il-fruntier bejn ir-Russja u l-Ukranja.
Minkejja li l-President Russu sostna l-qbil tiegħu mal-ftehim għal waqfien mill-ġlied, qal ukoll li hemm ċerti “sottilezzi” li għandhom jiġu diskussi. “Jekk inwaqqfu l-ostilitajiet... dik x’se tfisser?” staqsa Putin hekk kif indika li l-armata Ukrena tilfet il-kontroll ta’ Kursk u abbandunaw l-armi tagħhom. Huwa tenna li “is-sitwazzjoni hija kompletament taħt il-kontroll tagħna.”
Apparti hekk, Putin issottolinja kwistjonijiet bħal li jitwaqqfu l-forzi Ukreni milli jużaw it-tregwa temporanja bħala skuża biex jerġgħu jingħaqdu u jsaħħu l-kapaċitajiet militari tagħhom. Fl-istess ħin, qal li hemm bżonn ta’ garanziji li l-Ukranja ma tirċivix tagħmir militari ġdid waqt li l-ġlied ikun wieqaf.
L-Istati Uniti, irrappreżentati mill-President Donald Trump u s-Segretarju tal-Istat Marco Rubio, laqgħu r-rieda ta’ Putin biex jinnegozja iżda enfasizzaw kemm hi importanti li r-Russja tikkommetti għal paċi dejjiema. Minkejja li Trump jinstab ottimistiku, talab għall-kawtela għax in-negozjati għadhom għaddejjin.
Min-naħa l-oħra, il-President tal-Ukranja Volodymyr Zelenskyy akkuża lir-Russja li qed tipprova timponi kundizzjonijiet fuq il-ftehim għal waqfien tal-ġlied biex iddewwem jew tipprevjeni għalkollox il-ftehim. Zelenskyy enfasizza li l-Ukranja lesta tinnegozja iżda qal li t-tregwa m’għandiex tintuża bħala skuża għal iktar aggressjoni.
Waqt dan kollu, ir-Russja għadha għaddejja bl-ostilitajiet fl-Ukranja fejn qed tkompli tavvanza iktar il-ġewwa fil-pajjiż.