Il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-President tal-Ukrajna Volodymr Zelensky ħa jiltaqgħu Brussell biex jattendu laqgħa speċjali dwar id-difiża u biex jiddiskutu d-destin tal-Ukrajna.
Dwar dan il-President ta’ Franza Emmanuel Macron qal li l-Ewropa “dieħla f’era ġdida” u li wasalna “f’punt ta’ bidla drammatika fl-istorja”.
Il-laqgħa mistennija tiddiskuti wkoll kif il-blokk Ewropew jista’ jappoġġa lin-nazzjon Ukren hekk kif il-President tal-Amerka Donald Trump ħabbar li ħa jwaqqaf kull għajnuna militari lill-Ukrajna. Barra minn hekk, l-Amerka wkoll iddeċidiet biex tieqaf taqsam l-intelligence mal-Ukrajna, mossa oħra tat-tħassib.
Għaldaqstant Macron qal ukoll li Franza lesta biex tiddiskuti kif il-protezzjoni li tieħu mill-armamenti nukleari tagħha tista’ testendiha lill-pajjiżi alleati Ewropej.
Dwar il-laqgħa, il-President tal-Kunsill Ewropew António Costa qal, “qed ngħixu f’mument importanti ħafna għall-Ukrajna u s-sigurtà Ewropea.” Costa żied jgħid ukoll li, “l-Unjoni Ewropea u l-istati membri tagħha huma lesti biex jerfgħu iktar responsabbiltà għas-sigurtà Ewropea.”
Das-sentiment huwa eżatt bħal dak espress mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, fejn wara li introduċiet il-pjan ReArm Europe u l-pakkett tad-difiża ta’ €800 biljun assoċjat miegħu, qalet li l-pjan “jindirizza l-bżonn fit-tul biex nerfgħu iktar responsabbiltà għas-sigurtà Ewropea tagħna.”
Robert Abela tiela’ l-laqgħa biex “jissalvagwardja n-newtralità ta’ Malta”
Il-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela huwa wieħed mill-mexxejja li ħa jattendu dil-laqgħa, hekk kif qabad ajruplan biex jitla’ Brussell nhar il-Ħamis filgħodu.
Iżda jidher li l-prijoritajiet ta’ Abela huma differenti minn dawk ta’ mexxejja oħrajn, bħal Macron u l-Prim Ministru tar-Renju Unit Keir Starmer, hekk kif stqarr li tiela’ bl-għan li jsostni n-newtralità ta’ Malta.
“Nissalvagwardjaw in-newtralità ta’ Malta, nippromwovu l-paċi, u niżguraw li l-flus miksuba bi tbatija ta’ popli tagħna jmorru biex itejbu l-ħajjiet,” kiteb Abela fuq X. “Dawn huma l-prijoritajiet tagħna f’#️EUCO fi Brussell.”