Putin jikkonferma l-attakki fuq il-kapitali Ukrena u jwissi dwar aktar 'azzjonijiet ħorox'

Putin qed jakkuża lill-Ukrajna b'atti terroristiċi fuq territorju Russu u dan wara l-isplużjoni fuq il-pont li jgħaqqad ir-Russja mal-Ukrajna

Il-President Russu Vladimir Putin ikkonferma l-attakki "ta' preċiżjoni" bil-missili “mill-ajru, l-art u l-baħar” fuq il-Kapitali Ukrena Kjiv u bliet oħra u qal li din kienet tweġiba għall-attakki ta’ terroriżmu min-naħa tal-Ukrajna.

Huwa kien qed jirreferi, fost oħrajn, għall-attakk u l-isplużjoni tal-uniku pont li jgħaqqad ir-Russja mal-Krimea.

Madanakollu, l-aġenzija tal-intelliġenza għad-difiża tal-Ukrajna qalet li l-attakk ilu ppjanat mill-ġimgħa li għaddiet.

Putin qal dan meta kien qed imexxi l-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali li matulu għamel indirizz lin-nazzjon, ftit sigħat wara attakk qalil mifrux f'diversi bliet Ukreni, inkluż il-Kapitali. 

Ikkonferma li l-attakk kien immirat lejn il-Forzi Ukreni u anke infrastruttura importanti.

Huwa wissa dwar aktar azzjonijiet “b’saħħithom” jekk, fi kliemu, it-territorju Russu se jibqa’ jiġi mhedded.

"Ħadd ma għandu l-ebda dubju dwar dan," qal Putin.

Intant, l-eks President Russu, Dmitry Medvedev, li huwa viċin ħafna tal-President Putin, qal li bħall-attakki tal-aħħar sigħat se jkun hemm oħrajn.

Insista li l-Ukrajna qed tkun theddia kostanti, diretta u ċara għar-Russja.

Intant, il-mexxej tal-Bellarussja Alexander Lukashenko qal li l-Belarus u r-Russja se jkunu qed jifformaw forzi militari komuni biex jipproteġu l-fruntieri tagħhom.

Fil-fatt hu mifhum li għadd ta’ suldati Russi se jkunu qed jaslu fil-Bellarussja fil-ħin li ġej.

Huwa qal li l-Ukrajna mhux biss qed tiddiskuti imma qed tippjana attakki fuq territorju tal-Bellarussja. 

Insista li Putin u hu qablu li jaħdmu aktar flimkien wara l-isplużjoni fuq il-pont li jgħaqqad ir-Russja mal-Krimea.

More in Barranin