Filmati | Il-kapitali Ukrena u diversi bliet oħra taħt attakk; Diversi persuni maqtula

Skont l-Ukrajna, ir-Russja sparat xejn inqas minn 75 missila fl-aħħar sigħat lejn Kjiv u diversi bliet oħra f'dak li qed ikun meqjus bħala l-aktar attakk mifrux minn meta bdiet l-invażjoni Russja fl-Ukrajna

Matul il-lejl li għadda u dalgħodu, il-Kapitali Ukrena Kjiv qed tkun attakata b’diversi missili. Dan huwa l-ewwel attakk fuq il-kapitali wara xhur. 

Ġurnalisti li jinsabu fi Kjiv setgħu jisimgħu diversi splużjonijiet, bl-attakki jseħħu biss ftit jiem wara splużjoni fuq l-uniku pont li jgħaqqad ir-Russja mal-Krimea.

Ilbieraħ, il-President Russu Vladimit Putin weħħel fl-Ukrajna u ddeskriva l-isplużjoni bħala att ta’ terroriżmu. Huwa mistenni jlaqqa’ l-Kunsill tas-Sigurtà llum biex jiddiskuti dak li seħħ.

Intant, is-Sindku ta’ Kjiv, Vitali Klitschko, ikkonferma l-attakki u qal li dawn laqtu d-distrett ta’ Shevchenkivskyi. 

Id-dettalji għalissa għadhom skarsi ħafna madanakollu s-servizzi ta’ emerġenza Ukreni qalu li fl-attakk inqatlu diversi persuni u oħrajn weġġgħu. 

Skont l-aħħar informazzjoni, sa issa jidher li nqatlu tmien persuni u 24 oħra weġġgħu fi Kjiv. Il-persuni kollha maqtula huma nies ċivili. 

Madanakollu hu mifhum li n-numru tal-vittmi huwa akbar.

Aqra wkoll: Putin jikkonferma l-attakki fuq il-kapitali Ukrena u jwissi dwar aktar 'azzjonijiet ħorox'

Iżda Kjiv mhijiex l-uniku Belt li qed tiġi attakkata. Diversi attakki u splużjonijiet kienu rrapportati fi bliet oħra Ukreni, inkluż Lviv, Dnipro, Zaporizhzhia u Kharkiv.

Fil-fatt, dan qed ikun meqjus bħala l-aktar attakk mifrux minn meta bdiet l-invazjoni Russja fl-Ukrajna f’Marzu liu għadda.

Il-Kmandant Ukren, Valery Zaluzhny, qal li fl-aħħar sigħat, ir-Russja sparat xejn inqas minn 75 missila lejn Kjiv u bliet oħra u l-attakki għadhom għaddejin.

Intant, fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara dawn l-attakki, il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li r-Russja qed tipprova tħassar lill-Ukrajna minn fuq wiċċ id-dinja. Huwa qal dan f'filmat li ppubblika hu stess meta ħareġ idur fit-toroq ta' Kjiv biex jispjega s-sitwazzjoni.

Qal li kollox jindika li l-attakki kienu mmirati lejn diversi impjanti tal-enerġija u infrastruttura importanti oħra. Il-Prim Ministru Ukren qal li fl-attakki kien hemm fil-mira xejn inqas minn 11-il impjant tal-enerġija.

Ir-Russja għadha ma kkummentatx dwar dawn l-attakki.

Intant, il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, ddeskriviet dak li qed jiġri fl-Ukrajna bħala "att kriminali."

Insistiet li l-Unjoni Ewropea mhux se tħalli lill-Ukrajna waħedha u insistiet li l-Ukrajna se tirbaħ.

Laqgħa urġenti tal-G7

Il-President Zelensky qal li tkellem mal-Kanċillier Ġermaniż, Olaf Scholz, li bħalissa għandu f'idu l-presidenza tal-G7. It-tnejn li huma qablu li tissejjaħ laqgħa urġenti tal-G7.

Zelensky mistennija jindirizza lill-mexxejja ta' dawn il-pajjiżi kbar u fid-diskors tiegħu se jagħti d-dettalji "tal-attakki terroristiċi" tar-Russja.

Qal li ddiskutew ukoll modi kif tista' tiżdied il-pressjoni fuq ir-Russja u anke dwar għajnuna biex l-Ukrajna tkun tista' ssewwi l-ħsara infrastrutturali kkawżata wara dawn l-attakki. 

 

More in Barranin