Von Der Leyen tħabbar li l-UE se timponi restrizzjonijiet ġodda fuq Vladimir Putin

Is-sanzjonijiet il-ġodda se jiffokaw aktar fuq entitajiet u individwi li jappoġġjaw din l-invażjoni, kif ukoll se jfissru aktar kontrolli fuq it-teknoloġija

Wara s-sejħa għall-mobilizzazzjoni tal-armata fir-Russja, li wasslet ukoll għall-arrest ta' aktar minn 1,000 persuna f'Moska li kienu qed jipprotestaw kontra r-reġim ta' Vladimir Putin, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen qalet illi l-Kummissjoni se tkun qed tikkunsidra sanzjonijiet ġodda kontra dan il-pajjiż u kontra l-Gvern ta' Putin innifsu. Hija ħabbret li s-sanzjonijiet il-ġodda se jiffokaw aktar fuq entitajiet u individwi li jappoġġjaw din l-invażjoni, kif ukoll se jfissru aktar kontrolli fuq it-teknoloġija. 

F'kummenti lil tat lis-CNN hija fakkret li sa mill-24 ta' Frar l-Unjoni Ewropea imponiet sitt gruppi ta' sanzjonijiet kontra r-Russja b'miżuri magħmulin sabiex dawn ikunu aktar effiċjenti. Dan apparti li lista twila ta' persuni u kumpaniji Russi kienu blacklisted.

Is-sanzjonijiet jinkludu l-waqfien tal-importazzjoni taż-żejt u l-faħam Russu lejn l-Ewropa, il-projbizzjoni tal-esportazzjoni ta' tagħmir teknoloġiku lejn ir-Russja u restrizzjonijiet fuq trasport marittimu u fuq l-art lejn dan il-pajjiż. Dan apparti li s-sanzjonijiet raw lill-banek Russi jitneħħew mis-sistema SWIFT filwaqt li twaqqfet milli topera l-midja Russa fl-UE. 

"Is-sanzjonijiet kienu ta' suċċess," qalet Von Der Leyen. "Jekk tħares lejn l-ekonomija Russa, tinduna kif l-industrija Russa tinsab imkissra f'biċċiet. Qed naraw li r-Russi qed isibuha diffiċli li jkollhom biżżejjed nies fil-forzi armati hekk kif il-militar qed jiffaċċja diffikultajiet kbar. Il-flotta tal-ajru ma tistax ittir... jiġifieri kollox juri li s-sanzjonijiet qed iweħġgħu."

Von Der Leyen kompliet tgħid illi b'dak li qal ilbieraħ Putin qed juri d-dgħjufija tiegħu u qed ikollu jdur fuq persuni li mhumiex daqstant imħarrġa, li mhumiex motivati u li ma għandhomx esperjenza biex ikunu parti mill-militar. U issa jrid jagħmel referendum finta fuq art sovrana," fakkret Von Der Leyen b'reazzjoni għal referendum li Putin qal li xtaq illi jagħmel fost l-Ukreni biex jiddeċiedu jridux ikunu parti mir-Russja jew le. 

More in Barranin