Mijiet arrestati fir-Russja waqt protesti kontra d-deċiżjoni ta' Putin li jżid is-suldati fl-Ukrajna

F'indirizz lin-nazzjon, Putin wissa wkoll lill-pajjiżi tal-Punent u lin-NATO biex ma 'jaqbżux il-linja' għax inkella se juża l-mezzi kollha biex jiddefendi t-territorju Russu

Mijiet ta’ persuni ġew arrestati mill-pulizija Russa wara li niżlu jipprotestaw kontra d-deċiżjoni tal-President Vladimir Putin li jsejjaħ eluf ta’ truppi oħra biex jiġġieldu fl-Ukrajna.

Skont il-grupp li jaħdem biex jiddefendi d-drittijiet umani fir-Russja, OVD-Info, ġew arrestati xejn inqas minn 1,300 persuna. Ħafna minnhom niżlu jipprotestaw f’Moska u St Petersburg.

Għexieren oħra ġew arrestati f’Irkutsk, Yekaterinburg u bliet oħra.

Qed ikun irrapportat ukoll li kienu bosta dawk li ħatfu l-biljetti tal-ajru biex jitilqu mir-Russja malli Putin ħabbar id-deċiżjoni fuq it-televiżjoni tal-istat.

Ritratti fuq il-midja soċjali juru mijiet ta’ persuni jistennew biex jaqsmu l-fruntieri filwaqt li kienu eluf dawk li fittxew informazzjoni fuq Google dwar kif jistgħu jitilqu mir-Russja.

Putin ordna mobilizzazzjoni parzjali tal-armata. Dan ifisser li madwar 300,000 persuna, li diġà rċevew it-taħriġ militari, se jkunu qed jiddaħħlu immedjatament fl-armata Russa.

Id-deċiżjoni ttieħdet ftit jiem biss wara li l-Ukrajna rnexxielha tieħu f’idha diversi bliet u villaġġi li kienu waqgħu taħt ir-Russja.

Fid-diskors tiegħu, Putin ikkundanna lill-Ukrajna u anka l-alleati tagħha u insista li se jkun qed juża l-mezzi kollha li għandu biex jipproteġi t-territorju Russu. Għalkemm ma kienx ċar, Putin kien qed jimplika l-użu tal-armi nukleari.

Insista li hu għandu biżżejjed armi u li wħud minnhom huma aktar moderni minn dawk li għandhom il-pajjiżi tal-Punent. 

Wissa lill-istess pajjiżi u lin-NATO biex ma jaqbżux il-linja jew inkella mhu se jkollu l-ebda triq oħra ħlief li jieħu azzjoni.

More in Barranin