Matul il-lejl li għaddha komplew l-attakki fuq il-kapitali Ukrena Kyiv madanakollu, il-President Ukren Volodymyr Zelensky deher ottimist li d-diskussjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi jistgħu jħallu l-frott.
Skont uffiċjali fi Kyiv, il-forzi Russi wettqu attakk ieħor bil-missili u reġa’ ntlaqat appartament residenzjali.
Ir-residenti ta’ Kyiv, matul il-lejl li għadda, kellhom isegwu curfew li ġie impost mis-Sindku tal-Belt Kapitali Ukrena.
Dan seħħ ftit wara li ntemmet laqgħa oħra ta’ negozjati bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-President Zelensky saħaq li t-taħdidiet issa qed ikunu “aktar realistiċi.”
Tal-istess fehma kien Mykhailo Podolyak, membru tad-delegazzjoni Ukrena. Huwa qal li hemm “kontradizzjonijiet fundamentali” waqt it-taħdidiet iżda insista li “ċertament hemm lok fejn jintlaħaq kompromess.”
Intant, skont il-Viċi Sindku tal-belt ta’ Mariupol, forzi Russi qed iżommu madwar 400 persuna, fosthom tobba u pazjenti “qishom ostaġġi” fi sptar.
Fl-aħħar sigħat ukoll, l-Ukrajna faħħret il-kuraġġ ta’ tliet Prim Ministri Ewropej li għamlu vjaġġ perikoluż, abbord ferrovija mill-Polonja sa Kyiv, biex juru l-appoġġ tagħhom mal-Ukrajna.
Il-Prim Ministri tal-Polonja, l-Islovenja u anke ċ-Ċekja ltaqgħu u tkellmu mal-President Zelensky.