'Hemm probabbilità li r-Russja mhux se jirnexxilha tieħu f'idejha lil Kjiv' - Eks Uffiċjal tan-NATO

L-eks deputat Segretarju Ġenerali tan-NATO Rose Gottemoeller tgħid li r-Russi qed jispiċċawlhom ir-riżorsi u lesti jġibu għajnuna mis-Sirja

Ritratt ta' Reuters
Ritratt ta' Reuters

L-eks deputat Segretarju Ġenerali tan-NATO Rose Gottemoeller qalet lill-BBC f'intervista esklussiva li hija "xettika" li l-forzi Russi se "jiksbu ħafna suċċess" fl-attakk fuq il-belt kapitali tal-Ukrajna, Kjiv.

Huwa maħsub li konvoj massiv tal-forzi Russi ġie mpoġġi barra l-belt, bi tħejjija għall-attakk iżda Gottemoeller tgħid li taħseb li dan jista’ jittieħed bħala sinjal ta’ dgħjufija.

"Qed nistaqsi jekk għandhomx l-abbiltà li jerġgħu jingħaqdu f'dan il-punt, minħabba li l-loġistika tagħhom hija f'forma ħażina, ma tantx baqalhom provvisti tal-fjuwil, li għandhom bżonn biex jimxu lejn Kiev," qalet dalgħodu.

Ir-Russja tgħid li hemm 16,000 voluntier fil-Lvant Nofsani lesti biex jiġġieldu – u l-Istati Uniti temmen li dawn jistgħu jinkludu Sirjani mħarġa fil-ġlied urban.

"Huma gruppi estremisti - huma nies li ilhom jiġġieldu fis-Sirja, huma wħud mill-aktar estremisti vjolenti li nstabu fil-gwerra," itemm tgħid Gottemoeller.

Intant sal-bieraħ stess ritratti meħuda mis-satelliti bdew juru l-istess konvoj militari Russu li tkelmet fuqu L-eks deputat Segretarju Ġenerali tan-NATO illi issa jinsab ftit kilometri biss ‘il bogħod mill-kapitali Ukrena Kjiv.  Fl-aħħar jiem, dan il-konvoj kien statitu iżda reġgħu ġew innotati movimenti fl-aħħar sigħat.

Fl-istess ħin il-ġlied fil-majjistral ta’ Kyiv kompla sew hekk kif il-bliet ta’ Kharkiv, Chernihiv, Sumy u Mariupol huma mdawrin mit-truppi Russi. 

More in Barranin