Konvoj Russu twil 40 mil ikompli miexi lejn Kjiv; Attakk qalil fiċ-ċentru ta' Kharkiv matul il-lejl

Iċ-ċentru tat-tieni l-akbar Belt Ukrena, Kharkiv, kien fil-mira ta’ attakk bil-missili, li matulu ġie milqut bini prinċipali tal-Gvern li jinsab fil-pjazza ewlenija u ħalla ħerba sħiħa

Il-kunflitt fl-Ukrajna daħal fis-sitt jum tiegħu bil-ġlied u anke l-imwiet ikompli jiżdied u jintensifika. Il-lejl li għadda kien wieħed diffiċli ħafna.

Fil-fatt, iċ-ċentru tat-tieni l-akbar Belt Ukrena, Kharkiv, kienet fil-mira ta’ attakk bil-missili, li matulu ġie milqut bini prinċipali tal-Gvern li jinsab fil-pjazza ewlenija.

Ir-ritratti u l-filmati jitkellmu waħedhom. Iċ-ċentru ta’ din il-belt huma mimli bini mkisser, ħġieġ u karozzi maħruqa. Għadu mhux magħruf jekk waqt dan l-attakk mitux xi persuni. 

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ukran, ippubblika filmat tal-isplużjoni f'din il-pjazza u akkuża lill-President Russu, Vladimir Putin, b'reat ta' Gwerra. 

Intant, ir-Russi qed ikompli javvanzaw lejn il-Belt kapitali Kjiv. Ritratti mis-satteliti qed juru konvoj li huwa twil 40 kilometru mimli vetturi u armamenti tal-forzi Russi. 

Ilbieraħ saret l-ewwel laqgħa bejn delegazzjonijiet miż-żewġ pajjiżi. Aktar laqgħat mistennija hekk kif iż-żewġ delegazzjonijiet irritornaw fil-kapitali tagħhom biex jikkonsultaw dwar dak li ntalab u ntqal waqt l-ewwel laqgħa.

More in Barranin