Tintemm l-ewwel laqgħa bejn l-Ukrajna u r-Russja; Jinstemgħu splużjonijiet kbar viċin Kjiv

Fil-bidu tal-laqgħa, id-delegazzjoni Ukrena talbet għall-waqfien mill-ġlied u biex ir-Russja tirtira t-truppi tagħha

Ġiet fi tmiemha l-ewwel laqgħa bejn uffiċjali Russi u Ukreni, biż-żewġ delegazzjonijiet mistennija jirritornaw pajjiżhom mill-Belarussja biex ikomplu l-konsultazzjonijiet dwar dak li ġie diskuss.

Fil-bidu tal-laqgħa, id-delegazzjoni Ukrena talbet għall-waqfien mill-ġlied u biex ir-Russja tirtira t-truppi tagħha. Madanakollu, hekk kif intemmet l-ewwel diskussjoni, nstemgħu tliet spużjonijiet kbar viċin Kjiv.

Il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy mill-ewwel insista, qabel il-laqgħa, li kellu dubji kemm dawn id-diskussjonijiet se jkunu qed iħallu frott. Minkejja dan, mhux kollox hu mitluf hekk kif id-delegazzjonijiet mistennija jerġgħu jiltaqgħu.

Sadanittant, ritratti mis-satelliti qed juru konvoj twil tliet mili ta' vetturi u armi tal-forzi Russu li x'aktarx jinsabu fi triqithom lejn Kjiv. Minkejja li l-forzi Russi jinsabu madwar 30 kilometru biss 'il bogħod miċ-ċentru ta' Kjiv, il-kapitali tibqa' f'idejn il-forzi Ukreni.

Matul il-lejl li għadda kompla l-ġlied b'ammont kbir ta' bombi jinżlu f’Chernihiv, b'bombi saħansitra jolqtu binja li tintuża bħala kindergarten. Matul il-ġurnata, ir-Russi attakkaw ukoll it-tieni l-akbar Belt Ukrena (ara aktar 'l isfel)

Aqra wkoll: Malta se toffri servizzi ta' onkoloġija lil dawk l-Ukreni li jaħarbu l-gwerra

Rapporti oħra qed jindikaw li d-dittatur tal-Belarussja, Alexander Lukashenko, qed jipprepara biex jibgħat ukoll forzi tiegħu biex jassistu lir-Russja fl-invażjoni.

Jibdew id-diskussjonijiet bejn l-Ukrajna u r-Russja
Jibdew id-diskussjonijiet bejn l-Ukrajna u r-Russja

Intant, dwar it-theddida ta' Putin, li poġġa l-forzi nukleari tiegħu fuq 'allert massimu, is-Segretarju Ingliż għad-Difiża, Ben Wallace, saħaq li l-President Russu qed juża dan biex jaljena lid-dinja dwar dak li r-Russja qed twettaq fl-Ukrajna.

Saħaq lir-Renju Unit għandu wkoll poter nukleari u insista li Putin jaf li kwalunkwe ħaġa li tinvolvi l-użu tal-armi nukleari se twassal għall-istess risposta jew saħansitra agħar mill-pajjiżi tal-punent.

 Zelenskyy jitlob biex l-Ukrajna ssir membru tal-UE 'immedjatament'

Aktar tard, waqt konferenza, il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy talab lill-Unjoni Ewropea biex tagħmel użu minn proċedura speċjali biex l-Ukrajna ssir membru 'immedjatament' tal-Unjoni Ewropea.

"L-għan tagħna huwa li nkunu mal-Ewropej kollha u aktar importanti minn hekk, biex inkunu ugwali. Ċert li dan hu ġust. Ċert li ħaqqna dan,"  insista.

Waqt l-istess appell, Zelenskyy saħaq li l-Ukrajna lesta teħles lill-priġunieri kollha b'esperjenza militari jekk huma lesti jiġġieldu kontra r-Russja.

Ilbieraħ, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, saħqet li l-Ukrajna għandha tkun membru tal-Unjoni Ewropea u l-bqija tal-pajjiżi jixtiequ li dan iseħħ.

Ir-Russja tagħlaq l-ispazju tal-ajru tagħha għal 36 pajjiż inkluż Malta

Ir-Russja qed tipprjobixxi l-linji tal-ajru minn 36 pajjiż milli jużaw l-ispazju tal-ajru tagħha u dan bi tweġiba għas-sanzjonijiet imposti fuqha. Ir-Russja qed tipprojbixxi wkoll lil Malta

Il-pajjiżi li r-Russja qed tipprojbixxi huma: l-Albanija, l-Anguilla, l-Awstrija, il-Belġju, il- British Virgin Islands, il-Bulgarija, il-Kanada, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Fillandja, Franza, il-Ġermanja, Ġibilità, il-Greċja, l-Ungerija, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Italja, Jersey, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, il-Norveġja, il-Polonja, il-Portugal, ir-Rumanija, l-Islovakkja, l-Islovenja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit.

L-Air Malta waqqfet it-titjiriet tagħha lejn ir-Russja fi żmien il-pandemija u l-obbligi dwar il-vaċċin. Dan ifisser li għal Malta, deċiżjoni bħal din ftit li xejn se jkollha impatt.

Id-deċiżjoni tar-Russja ttieħdet ftit wara li l-Unjoni Ewropa għalqet l-ispazju tal-ajru tagħha għal kwalunkwe ajruplan Russu, inkluż dawk privati.

Għadd ta' persuni maqtula f'attakki bil-missili fuq il-belt ta' Kharkiv 

Il-Ministru għall-Intern Ukren qal li għexieren ta' persuni nqatlu wara attakk bil-missili mir-Russi fuq il-belt ta' Kharkiv.

L-attakk seħħ fil-ħames jum ta' attakki u ġlied hekk kif ir-Russja qed tipprova tinvadi lill-Ukrajna u fl-istess ħin li għaddejja diskussjoni fil-Belarussja bejn delegazzjonijiet miż-żewġ pajjiżi.

Aktar min-nofs miljun persuna kellhom jaħarbu mill-Ukrajna minħabba dan il-kunflitt.

More in Barranin