Von der Leyen tħabbar projbizzjoni fuq il-midja soċjali għal tfal taħt it-13-il sena
Fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President tal-Kummissjoni Ewropea ħabbret ukoll regoli aktar stretti għall-minuri online, strateġija ġdida għad-difiża, mekkaniżmu ġdid dwar il-migrazzjoni u pjanijiet għall-klima, l-AI u l-akkomodazzjoni
minn Jaelle Borg
Il-Kummissjoni Ewropea se tipproponi projbizzjoni fuq kull forma ta’ midja soċjali għal tfal taħt it-13-il sena, ħabbret il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen fid-diskors annwali tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni.
Skont il-proposta, tfal bejn it-13 u l-15-il sena ma jkunux jistgħu joħolqu kont personali tagħhom stess. Minflok, ġenituri jew kustodji jkunu jistgħu joħolqu kont limitat għal uliedhom, b’karatteristiċi ristretti u limitu ta’ siegħa kuljum.
Għall-utenti bejn il-15 u t-18-il sena, kumpaniji teknoloġiċi kbar se jkunu obbligati jfasslu s-servizzi tagħhom b’mod aktar sigur.
Von der Leyen semmiet fost l-oħrajn karatteristiċi li joħolqu dipendenza, feeds li jistgħu jwasslu liż-żgħażagħ lejn kontenut dejjem aktar estrem u l-użu ta’ ritratti ta’ tfajliet biex jinħoloq materjal sesswali permezz tal-intelliġenza artifiċjali.
Il-Kummissjoni qed tipprepara wkoll qafas usa’ taħt id-Digital Fairness Act, filwaqt li l-piż tal-prova dwar is-sigurtà se jitpoġġa aktar fuq il-kumpaniji milli fuq il-vittmi li jkollhom jippruvaw il-ħsara.
Id-diskors ta’ von der Leyen kopra firxa wiesgħa ta’ prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea għas-sena li ġejja, fosthom id-difiża, il-migrazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, il-klima, l-ekonomija u l-kummerċ.
Kanada eqreb lejn l-UE
Von der Leyen ħabbret ukoll li l-Kanada se ssir l-ewwel membru assoċjat tal-Unjoni Ewropea, f’arranġament li għandu jressaq ir-relazzjoni bejn iż-żewġ naħat kemm jista’ jkun qrib mingħajr ma l-Kanada ssir Stat Membru.
Il-Prim Ministru Kanadiż Mark Carney kien preżenti bħala mistieden tal-unur.
Skont von der Leyen, il-ftehim se jinkludi alleanza teknoloġika, integrazzjoni f’oqsma tas-sigurtà u proġett konġunt ta’ difiża fl-Artiku.
Gaza u l-Lvant Nofsani
Von der Leyen indirizzat ukoll il-gwerra fil-Lvant Nofsani u ddeskriviet l-avvanz tal-insedjamenti Iżraeljani bħala “inaċċettabbli”.
Hija qalet li l-UE se tkompli taħdem biex iżżomm ħajja s-soluzzjoni ta’ żewġ stati u sostniet li l-Unjoni bagħtet għajnuna sostanzjali lill-Palestinjani, inkluż impenn ta’ €1 biljun għar-rikostruzzjoni ta’ Gaza.
Madankollu, xi MEPs ikkritikawha talli ma ħabbritx sanzjonijiet ġodda kontra l-gvern Iżraeljan.
Strateġija ġdida għad-difiża
Dwar l-Ukrajna u s-sigurtà Ewropea, von der Leyen qalet li l-UE trid tkun ippreparata għal livell ogħla ta’ theddid.
Hija ħabbret li se titfassal Defence Strategy ġdida, flimkien ma’ qafas biex l-UE tirrispondi għal theddid ibridu u mekkaniżmu li jikkomplementa l-Artikolu 4 tan-NATO.
Hija pproponiet ukoll EU Emergency Security Protocol, li jippermetti lil Stat Membru jsejjaħ laqgħa urġenti tal-pajjiżi kollha tal-UE biex tiġi deċiża risposta komuni, kif ukoll European Security Council.
Mekkaniżmu ġdid għall-migrazzjoni
Il-migrazzjoni kienet ukoll tema ċentrali.
Von der Leyen qalet li l-Patt il-ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil issa għandu jiġi implimentat bis-sħiħ.
Hija ħabbret ukoll Response Mechanism ġdid għall-każijiet ta’ pressjoni migratorja kbira, li jkun attivat biss meta jintlaħqu ċerti kriterji u għal perjodu definit.
Il-Kummissjoni trid ukoll issaħħaħ il-Frontex, tħaffef ir-ritorni u ttejjeb is-sistemi ta’ twissija bikrija b’ħidma ma’ pajjiżi terzi.
‘L-Ewropa qed tinħaraq’
Von der Leyen iddeskriviet it-tibdil fil-klima bħala wieħed mill-akbar punti ta’ kriżi għall-Ewropa.
Hija qalet li s-sajf li għadda wera li “ebda pajjiż mhu sigur”, u semmiet nirien mifruxa, temperaturi estremi u mwiet relatati mas-sħana.
Il-Kummissjoni se tippreżenta qafas ġdid għar-reżiljenza klimatika, kif ukoll EU Heatwave Plan b’sistemi ta’ twissija aktar b’saħħithom, preparazzjoni aħjar fis-saħħa u aktar appoġġ għall-persuni vulnerabbli.
Se titnieda wkoll European Water Initiative biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-ilma u tal-ikel.
‘Irridu nagħmlu lill-Ewropa elettrika’
Von der Leyen qalet li l-UE se tkompli tinvesti fl-enerġija rinnovabbli biex tnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili importati.
Hija sostniet li jekk l-Ewropa tnaqqas l-użu tal-fjuwils fossili tista’ tiffranka madwar €260 biljun fis-sena.
“Irridu nagħmlu lill-Ewropa elettrika,” qalet.
AI: opportunità u riskju
L-intelliġenza artifiċjali kienet tema oħra ewlenija.
Von der Leyen qalet li l-AI tista’ ġġib benefiċċji kbar, iżda wissiet ukoll dwar riskji ġodda, fosthom hacking fuq skala bla preċedent u sistemi li jistgħu jaħarbu mill-ambjenti fejn ikunu mfassla biex joperaw.
Hija qalet li l-Ewropa trid tibqa’ “fit-tellieqa” iżda b’mod sigur u sostenibbli.
Inizjattivi ġodda dwar l-AI mistennija jitħabbru f’Diċembru, b’enfasi fuq oqsma bħas-saħħa, l-agrikoltura, id-difiża u l-ekonomija.
Akkomodazzjoni u short-lets
Fuq l-ekonomija, von der Leyen qalet li l-Kummissjoni se taħdem biex tnaqqas il-burokrazija u tħaffef il-permessi għal proġetti strateġiċi.
Hija indirizzat ukoll il-kriżi tal-akkomodazzjoni u qalet li d-djar affordabbli għandhom jitqiesu bħala dritt, mhux privileġġ.
Partikolarment, hija semmiet il-ħtieġa li jiġi indirizzat l-impatt tal-kiri għal żmien qasir fuq is-suq tal-akkomodazzjoni.
Von der Leyen temmet billi qalet li r-rispett lejn is-saltna tad-dritt se jkun fil-qalba tal-baġit fit-tul li jmiss tal-UE, u ħabbret ukoll pakkett bankarju ġdid biex titnaqqas il-frammentazzjoni bejn l-Istati Membri.
