Il-President Amerikan Donald Trump ħabbar li l-Istati Uniti laħqu ftehim mad-Danimarka u Greenland li se jespandi b’mod sinifikanti l-preżenza militari Amerikana fil-gżira u jagħti lil Washington kontroll permanenti fuq aspetti tas-sigurtà tagħha.
Trump qal fuq Truth Social li l-Istati Uniti se tibda “immedjatament” il-proċess biex tiżviluppa preżenza militari kbira f’parti ta’ Greenland.
Il-ftehim jasal wara xhur ta’ pressjoni minn Trump biex Greenland tidħol taħt kontroll Amerikan, bil-President Amerikan jargumenta li t-territorju huwa kruċjali għas-sigurtà nazzjonali minħabba l-pożizzjoni strateġika tiegħu fl-Artiku. Il-pożizzjoni tiegħu kienet wasslet għal tensjonijiet qawwija mad-Danimarka u ma’ alleati oħra tan-NATO.
Madankollu, il-ftehim il-ġdid ma jittrasferixxix is-sovranità fuq Greenland lill-Istati Uniti.
Il-Prim Ministru Daniż Mette Frederiksen qalet li l-arranġament għandu jsaħħaħ is-sigurtà fl-Artiku u fit-Tramuntana tal-Atlantiku, filwaqt li jirrikonoxxi s-sovranità u l-integrità territorjali tar-Renju tad-Danimarka.
Il-Prim Ministru ta’ Greenland Jens-Frederik Nielsen qal ukoll li l-ftehim jirrikonoxxi l-interessi ta’ Greenland u r-rwol tagħha fil-kooperazzjoni internazzjonali.
Skont uffiċjal tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan, il-ftehim jipprojbixxi pajjiżi li mhumiex membri tan-NATO milli jistabbilixxu bażijiet militari fi Greenland. L-Istati Uniti se jkollha wkoll drittijiet permanenti ta’ aċċess, stazzjonar u overflight.
Il-ftehim huwa mistenni jibqa’ fis-seħħ anke jekk Greenland xi darba ssir indipendenti mid-Danimarka.
Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio qal li l-arranġament jindirizza “b’mod permanenti u komplet” it-tħassib ta’ Washington dwar is-sigurtà ta’ Greenland, u qal li t-territorju se jibqa’ parti miż-żona strateġika ta’ difiża tal-Amerika ta’ Fuq.
Trump, min-naħa tiegħu, iddeskriva l-ftehim bħala “ħolma li saret realtà” għall-Istati Uniti.
Għad hemm, iżda, diversi dettalji mhux ċari, fosthom jekk il-ftehim hux se jwassal għall-bini ta’ bażijiet Amerikani ġodda. L-Istati Uniti diġà għandha drittijiet estensivi ta’ bażijiet u titjiriet fuq Greenland taħt trattat tal-1951.
Il-ftehim mistenni jiġi ffirmat formalment fil-ġimgħa li ġejja u mbagħad jgħaddi mill-proċeduri parlamentari meħtieġa.