Hekk kif is-Senat Amerikan iċċertifika b'mod formali r-rebħa ta' Joe Biden, li fl-20 ta' Jannar jieħu l-ġurament bħala President Amerikan, il-President uxxenti Donald Trump, għall-ewwel darba, wiegħed "tranżizzjoni paċifika" tal-poter.
Dan minkejja li xorta waħda baqa' jisħaq li l-elezzjoni kienet waħda misruqa u li kien hemm frodi, allegazzjonijiet bla bażi li iżda waslu għall-attakk fuq il-Capitol, li ħallew erba' persuni mejta.
Fi kliem Trump, iċ-ċertifikazzjoni tar-rebħa ta' Biden tirrappreżenta "t-tmiem tal-aqwa terminu fl-istorja Presidenzjali."
"Anke jekk ma naqbilx mar-riżultat tal-elezzjoni, minkejja dan se jkun hemm tranżizzjoni paċifika tal-poter fl-20 ta' Jannar," kiteb Trump.
Kompla jisħaq li anke jekk it-terminu tiegħu wasal biex jispiċċa, "dan huwa biss il-bidu tal-ġlieda tagħna biex nerġgħu nagħmlu lill-Amerika l-Aqwa."
Aqra wkoll: