'Attakk fuq il-qalba tad-demokrazija Amerikana' ... Erba' mejta wara l-attakk fuq il-Capitol

Xeni surreali meta partitarji ta' Trump jidħlu fis-Senat u l-Kamra tar-Rappreżentanti waqt is-sessjoni biex tkun iċċertifikata r-rebħa ta' Biden

Erba' persuni spiċċaw tilfu ħajjithom wara "l-attakk" tal-bieraħ fuq il-binja tal-Capitol fil-kapitali Amerikana, Washington, hekk kif partitajri tal-President Donald Trump rnexxielhom jidħlu f'din il-binja importanti waqt li kienet għaddejja s-sessjoni konġunta tal-Kamra tar-Rappreżentanti u s-Senat biex tkun iċċertifikata r-rebħa ta' Joe Biden bħala President tal-Istati Uniti.

Kollox beda meta Trump niżżel lin-nies fit-toroq għal mass rally li matulha kompla jisħaq li hu rebaħ l-elezzjoni, li kien hemm frodi u tbagħbis u li għalhekk l-elezzjoni kienet waħda misruqa. Dan minkejja li ma hemm l-ebda evidenza u minkejja li tilef kull każ legali li fetaħ biex jipprova jdawwar ir-riżultat tal-elezzjoni.

Id-dimostranti rħewla lejn il-Capitol fejn irnexxielhom jaqbżu l-barrikati, lill-uffiċjali ta' sigurtà u saħansitra jidħlu fil-binja wara li kissru t-twieqi. Dimostranti dehru fl-awla tas-Senat u saħansitra fl-uffiċċju tal-Ispeaker Nancy Pelosi, f'xeni surreali.

Preżenti kien hemm ukoll il-Viċi President Amerikan, Mike Pence li bħala President tas-Senat irid jiċċertifika r-rebħa. Trump ma jridux jagħmel dan iżda din hija biss ċerimonja kostituzzjonali u Pence ma jistax jagħmel mod ieħor.

Kemm Pence u anke s-Senaturi kellhom jiġu evakwati mill-binja.

Mara, li għadha ma ġietx identifikata mietet wara li ntlaqtet b'tir sidirha. Jidher li tliet persuni oħra tilfu ħajjithom waqt l-attakk.

Hemm ukoll diversi uffiċjali tal-Pulizija li weġġgħu.

Trump fl-ebda ħin ma kkundanna lid-dimostranti u baqa' jirrepeti l-gideb. Kiteb biss fuq Twitter iħeġġiġhom imorru lura d-dar, iżda ddeskrivihom bħala "speċjali" u ħeġġiġhom biex ma jinsewx din il-ġurnata.

Intant, meta s-sitwazzjoni kkalmat, anke għax truppi militari u Pulizija kkontrollaw lid-dimostranti, is-sessjoni kompliet bil-voti elettorali jkomplu jiġu mgħoddija.

Trump jista' jitneħħa?

Intant, hekk kif Trump fadallu biss 14-il ġurnata fil-White House, ħafna qed jikkunsidraw, inkluż Repubblikani, artiklu estrem fil-kostituzzjoni li jista' jwassal biex President jitneħħa jekk jinstab li ma għandux ikompli jmexxi.

Madanakollu, esperti qed jisħqu li ma hemmx żmien biex il-President jitneħħa. Ta' min ifakkar li Trump kien ġie impeached mill-Kamra tar-Rappreżentanti iżda ma tneħħix wara l-vot tas-Senat.

'Attakk fuq il-qalba tad-demokrazija Amerikana'

Intant, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal li jinsab "ixxukkjat" b'dak li seħħ ilbieraħ.

"Ilbieraħ kont f'kuntatt mal-ambaxxatur tagħna Keith Azzopardi f’Washington biex nara kif kienu hu, in-nies taghna u l-familji taghhom," insista Bartolo. "Serraħli rasi li meta ra x’ġej għalaq l-ambaxxata kmieni u bagħat lin-nies kollha d-dar.

Bartolo iddeskriva l-attakk baħala wieħed fuq il-qalba tad-demokrazija Amerikana.

Il-jum it-tajjeb. Ixxukkjat fis-sieghat li ghaddew insegwi l-attakk li sar il-bierah fuq Capitol Hill minn dawk li ma...

Posted by Evarist Bartolo on Wednesday, 6 January 2021

"Ftit wara li Biden ġie elett President kellna laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea fejn iddiskutejna x’se tfisser l-elezzjoni tiegħu għall-bqija tad-dinja. Tgħidx x’tamiet kbar qajmet l-elezzjoni tiegħu: li l-Istati Uniti se tkun forza għat-tajjeb favur passi kontra t-tibdil fil-klima, biex tonqos it-tensjoni ma’ ħafna pajjiżi oħra u jsiru negozjati raġjonevoli fuq tilwim flok konfrontazzjoni," insista l-Ministru.

More in Barranin