Il-vaċċin ta' Pfizer approvat fir-Renju Unit; Jista' jibda jingħata mill-ġimgħa d-dieħla

Bħal fil-każ ta’ ħafna pajjiżi, fi żmien jiem, persuni vulnerabbli u anzjani, flimkien mal-frontliners, jistgħu jibdew jingħataw il-vaċċin

Ir-Renju Unit sar l-ewwel pajjiż fid-dinja li approva l-vaċċin ta’ Pfizer u BioNTech biex issa jista’ jibda jingħata lill-popolazzjoni.

Ir-regolatur Brittaniku, l-MHRA, qalet li t-tilqima, li toffri 95% protezzjoni mill-Covid-19, hija sigura u tista’ tibda tingħata mill-ġimgħa d-dieħla.

Bħal fil-każ ta’ ħafna pajjiżi, fi żmien jiem, persuni vulnerabbli u anzjani, flimkien mal-frontliners, jistgħu jibdew jingħataw il-vaċċin.

Ir-Renju Unit ordna 40 miljun doża, biżżejjed biex it-tilqima tingħata lil 20 miljun persuna, hekk kif dan il-vaċċin jirrikjedi żewġ dożi.

L-ewwel għaxar miljun doża mistennija jaslu fil-jiem li ġejjin.

Dan kien ikkonfermat ukoll mill-Ministru għas-Saħħa Ingliż Matt Hancock. “L-għajnuna tinsab fit-triq. Mill-ġimgħa d-dieħla nistgħu nibdew nagħtu l-vaċċin,” saħaq.

Anke jekk il-vaċċin se jibda jingħata, għalissa kulħadd irid jibqa’ attent u anke jsegwi r-restrizzjonijiet hekk kif biex jonqsu l-każi jrid ikun hemm biżżejjed persuni li jkunu ħadu t-tilqima.

X’nafu dwar dan il-vaċċin?

Pfizer, kumpanija ġgant tal-farmaċewtika qed taħdem id f’id mal-kumpanija Ġermaniża BioNTech. 

F’Mejju, dawn bdew l-ewwel testijiet fuq żewġ verżjonijiet tal-vaċċin. Fiż-żewġ każi, il-voluntiera li ħadu sehem żviluppaw Ċelloli T, li huma importanti biex jiġġieldu l-virus. Wieħed minn dawn il-verżjonijiet ipproduċa ħafna inqas effetti sekondarji, inqas deni u inqas għejja fost il-pazjenti u għalhekk għadda għall-aktar fażi kruċjali ta’ testijiet. 

It-tielet fażi kienet tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ 43,000 voluntier mill-Istati Uniti u pajjiżi oħra, fosthom l-Arġentina, il-Brażil u l-Ġermanja.

Anke f’dan il-każ, l-aħħar riżultati huma bbażati fuq analiżi li saret fuq l-ewwel 170 voluntier li żviluppaw il-Covid-19. Minn dawn, tmienja biss kienu tlaqqmu bil-vaċċin.

Il-Kummissjoni Ewropea laħqet ftehim mal-kumpaniji Pfizer u BioNTech għax-xiri ta’ 300 miljun doża tal-vaċċin malli dan ikollu ċ-ċertifikazzjoni kollha neċessarja biex ikun jista’ jibda jingħata.

Il-vaċċin ta’ Pfizer irid jinżamm f’temperatura ta’ 75 gradi Celsius taħt iż-żero sakemm ikun ittrasportat mill-faċilità għall-pazjent. Għalhekk pajjiż irid ikollu l-infrastruttura neċessarja biex ikun jista’ jaħżen il-vaċċin, xi ħaġa li Malta hija ppreparata għaliha skont dak li qal mal-ILLUM il-Ministeru għas-Saħħa. Il-vaċċn ta’ Pfizer jista’ jagħmel biss ħamest ijiem fi friġġ. 

More in Barranin