L-awtoritajiet Maltin qed ifittxu aktar informazzjoni mingħand l-awtoritajiet tan-Nepal wara li erba’ Maltin dehru fil-lista ta’ 184 barrani li ġew salvati mill-għargħar devastanti li laqat il-pajjiż.
Sorsi għolja fil-gvern qalu lil gazzetta oħt, MaltaToday li d-Dipartiment Konsulari fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jinsab f’kuntatt mal-awtoritajiet Nepaliżi biex jikseb aktar dettalji dwar il-Maltin.
S’issa, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ma kienx ġie infurmat b’ċittadini Maltin li setgħu kienu fin-Nepal meta ilmijiet ikkawżati minn glaċier tal-muntanji li ċeda qerdu diversi rħula.
Uffiċjali Nepaliżi qalu li aktar minn 600 persuna mietu u mill-inqas 2,426 oħra għadhom nieqsa wara għargħar qawwi u f’daqqa li laqat il-fruntiera bejn in-Nepal u t-Tibet nhar l-Erbgħa.
Il-pajjiż għadu fuq “allert għoli” minħabba l-possibbiltà ta’ aktar għargħar, hekk kif iż-żona muntanjuża mal-fruntiera, li ntlaqtet l-agħar, inbidlet f’medda ta’ tajn u ilma. L-awtoritajiet qed jistennew li l-għadd tal-vittmi jkompli jiżdied.
Intant, in-Nepal Tourist Board ikkonferma s-Sibt li s’issa ġew salvati 184 ċittadin barrani. Qal ukoll li jinsab f’kuntatt ma’ persuna mill-Belġju u żewġ persuni minn Spanja.
Skont l-aħħar aġġornament tiegħu, madwar 420 turist ieħor għadhom mhux lokalizzati.
Fil-lista tan-nazzjonalitajiet tal-persuni li ġew salvati hemm ukoll erba’ ċittadini Maltin.
Sorsi tal-gvern Malti qalu li s-servizzi konsulari issa qed jippruvaw jistabbilixxu l-identità ta’ dawn l-erba’ persuni u jiksbu aktar informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tagħhom.