'L-elezzjoni għadha ma spiċċatx'; Kelliema għal Trump tisħaq li l-battalja legali għadha se tibda

Trump għadu ma kkonċediex it-telfa u mingħajr provi ta' xejn qed jisħaq li din l-elezzjoni kienet mimlija frodi

Il-kelliema għall-President Amerikan Donald Trump saħqet li l-battalja legali kontra r-rebħa ta’ Joe Biden għadha fil-bidu tagħha.

“Din l-elezzjoni għadha ma spiċċatx,” saħqet Kayleigh McEnany waqt konferenza tal-aħbarijiet. “Għadna ‘l bogħod.”

Mc Enany kompliet ma’ dak li qal Donald Trump u allegat li kien hemm korruzzjoni u frodi sħiħa f’din l-elezzjoni anke jekk sa issa ma hemm l-ebda evidenza li turi dan.

Trump għadu ma kkonċediex it-telfa u dan minkejja li Joe Biden rebaħ l-elezzjoni presidenzjali nhar is-Sibt li għadda.

Il-President Amerikan kien ilu mill-bidu nett tal-għadd tal-voti jisħaq li hu rebaħ u li d-Demokratiċi qed jisirqulu l-elezzjoni

Kollox qed idur mas-sistema l-ġdida li ġiet introdotta din is-sena minħabba l-pandemija fejn persuni setgħu jibagħtu l-vot tagħhom bil-posta. Trump kien kontra din is-sistema iżda Biden kien favuriha tant li d-Demokratiċi għamlu ħafna użu minnha.

Fil-fatt, il-proċess beda bl-għadd tal-voti ta’ dawk li marru jivvotaw fil-postijiet tal-votazzjoni u f’ħafna stati, Trump kien minn fuq. Madanakollu, meta bdew deħlin u bdew jiġu mgħoddija dawn il-voti tal-posta, Biden beda jirkupra u saħansitra qabeż lil Trump fl-aktar stati importanti.

Għalissa, il-kampanja ta’ Trump qed tiffoka fuq azzjonijiet legali fl-istat ta’ Pennyslvania bil-għan li tippreveni milli r-rebħa ta’ Joe Biden tkun iċċertifikata mill-istat.

Dan kien l-istat li wassal biex nhar is-Sibt li għadda, Biden ikun iddikjarat rebbieħ.

More in Barranin