Joe Biden elett is-46 President tal-Istati Uniti

Wara jiem ta' stennija u taqtiegħa ħarxa, Joe Biden kiseb biżżejjed voti elettorali biex seta' ġie elett President

Il-President-elett Joe Biden
Il-President-elett Joe Biden

Wara jiem ta' stennija u taqtiegħa ħarxa, Joe Biden kiseb biżżejjed voti elettorali biex seta’ jkun iddikjarat is-46 President tal-Istati Uniti. Dan ifisser li Donald Trump tilef il-Presidenza wara biss l-ewwel terminu ta' erba' snin.

L-aħħar President Amerikan li tilef wara biss erba' snin, kien George H. W Bush li fl-2012 kien tilef kontra Bill Clinton.

Biden, li għandu 77 sena u kien il-Viċi President ta’ Barack Obama, qabeż il-270 vot elettorali li kellu bżonn biex ikun elett President u dan wara li rebaħ l-istat importanti ta' Pennyslvania.

Fil-jiem li għaddew, fost stati oħra, Biden rebaħ l-istat ta' Michigan li tah 16-il vot elettorali fil-Kulleġġ Elettorali (ara aktar ‘l isfel) u rebaħ l-istat ta' Wisconsin li tah 10 voti elettorali oħra. Rebaħ ukoll l-istat importanti ta' Kalifornja li tah 55 siġġu fil-Kulleġġ Elettorali, fost stati oħra.

Iżda l-għadd tal-voti għadu għaddej fl-istati ta’ Georgia, Nevada u anke Arizona, fejn Biden jinsab fuq quddiem.

Anke jekk wara Pennyslvania, ma kellux bżonn dawn l-istati, kollox jindika li r-rebħa tiegħu se tkompli tikber biex hekk b'kollox mistenni jikseb 360 vot elettorali, l-istess ammont li kiseb Donald Trump erba' snin ilu meta rebaħ lil Hillary Clinton.

“Onorat li għażiltuni biex inservi lil pajjiżna. Ix-xogħol li għandna quddiemna huwa iebes, iżda nwiegħdkom din: li se nkun President tal-Amerikani kollha, kemm jekk ivvutajtu għalija u kemm jekk le,” kiteb Biden fuq Twitter malli sar il-President-elett.

Il-President Donald Trump ilu, għal dawn l-aħħar jiem, jagħti x'jifhem li mhux se jikkonċedi t-telfa u saħansitra wissa lil Biden biex ma jiddikjarax rebħa.

Trump insista li d-Demokratiċi “qed jisirqu” din l-elezzjoni hekk kif hu kien fuq quddiem f’diversi stati iżda tilef il-vantaġġ hekk kif baqgħu dieħla u baqgħu jiġu mgħoddija l-voti li daħlu bil-posta (ara aktar 'l isfel), sistema li l-partitarji ta’ Joe Biden għamlu ħafna użu minnha.

Trump saħaq ukoll li se jkun qed jiftaħ proċeduri legali u jinsab ċert li l-vantaġġ se jerġa’ jdur favurih.

Fil-fatt, peress li d-distakk f'Wisconsin u anke f'Georgia kien inqas minn 1%, il-kampanja ta' Trump qed titlob li jerġgħu jingħaddu l-voti f'dawn l-istati waqt li qed tallega, anke jekk bla bażi, li kien hemm irregolaritajiet fl-istati li rebaħ Biden. 

Anke jekk se jsir recount f’xi stati, storikament dan qatt ma qaleb riżultat ta’ elezzjoni hekk kif jinqalbu biss ftit għexieren ta’ voti.

X'inhuma l-voti bil-posta? Għaliex Trump irid iwaqqafhom

Kollox qed idur mas-sistema tal-voti bil-posta u li Trump ilu żmien jikkritika. Din is-sistema, li Biden ħeġġeġ ħafna lil votanti tiegħu biex jużawha, ġiet introdotta din is-sena għall-ewwel darba minħabba l-pandemija.

Fil-fatt numru ta' stati għażlu li fil-jiem li ġejjin jibqgħu jaċċettaw u jgħoddu dawn il-voti, impostati sat-3 ta' Novembru u li għadhom ma waslux fis-swali tal-għadd tal-voti. Numru rekord ta' persuni għamlu użu minn din is-sistema tal-early voting.

L-Amerikani vvotaw fil-qalba tal-pandemija tal-Covid-19 li laqtet lill-Istati Uniti kif ma laqtet lill-ebda pajjiż ieħor. 'Il fuq minn 232,000 persuna tilfu ħajjithom kawża ta' dan il-virus.

Biden kiseb l-akbar ammont ta' voti li qatt kiseb kandidat f'din l-elezzjoni

Intant, il-President-elett Joe Biden kiseb l-akbar ammont ta' voti li kandidat għall-President Amerikan qatt kiseb. 

Meta jispiċċa l-għadd tal-voti, il-President elett se jkun kiseb kważi 70 miljun vot, fejn saħansitra qabeż l-ammont ta' voti li kien kiseb Obama.

Kif jintgħażel il-President?

Fl-Istati Uniti tal-Amerika mhuwiex il-kandidat li jirbaħ l-akbar ammont ta' voti li jsir President. Huwa l-Kulleġġ Elettorali li jiddetermina min jirbaħ l-Presidenza. 

Fl-2016, għalkemm Hillary Clinton ġabet kważi tliet miljun vot iżjed minn Donald Trump, kien Trump li sar President peress li kien hu li rebaħ il-maġġoranza fil-Kulleġġ Elettorali. 

Il-Kulleġġ Elettorali hija sistema li biha min jirbaħ 270 mill-538 vot tal-Kulleġġ isir President.

Kull stat ikollu voti skont kemm għandu membri fiż-żewġ kmamar tal-Kungress Amerikan. Il-Kamra tar-Rappreżentanti għandha 435 siġġu u s-senat 100 siggu.

Mela allura għalfejn il-Kulleġġ Elettorali huwa bbażat fuq 538 u mħux 535? Dan għaliex il-Belt Kapitali Amerikana ta Washington DC ma tagħmel parti mill-ebda stat Amerikan u fl-istess ħin mhijiex meqjusa bħalha stat għalih. Dan ifisser li n-nies li jgħixu fil-Kapitali Amerikana m’għandhomx rappreżentanza fis-Senat u kull ma għandhom tliet membri ‘osservaturi’ fil-Kamra tar-Rappreżentanti li m’għandhomx dritt għal vot, bħall-435 membru l-ieħor.

Minkejja dan, in-nies ta' Washington DC jingħataw tliet voti elettorali fl-għażla tal-President. Għalħekk il-Kulleġġ elettorali huwa magħmul minn 538 membru.

L-istat ta' Kalifornja għandu 53 rappreżentant u żewġ Senaturi fi-Kungress Amerikan. Minħabba f’hekk, min jirbaħ dan l-istat fl-elezzjoni Presidenzjali jirbaħ 55 vot elettorali. Ma tagħmilx differenza b’kemm tirbaħ. Jekk tirbaħ l-istat ta Kalifornja b’vot wieħed jew b’erba' miljun vot il-kandidat rebbieħ xorta ser jikseb 55 vot elettorali minn dak l-istat.

Din hija r-raġuni ewlenija li tista' twassal għal sitwazzjoni fejn min jirbaħ il-Kulleġġ Elettorali u jsir President ma jkunx neċessarjament rebaħ il-maġġoranza tal-vot popolari. 

More in Barranin