Pariġi | L-ilbies tal-maskra jsir mandatorju f'postijiet pubbliċi li jattiraw ħafna nies

Min jinqabad mingħajr maskra, jista’ jeħel multa ta’ €135

Mil-lum, f’Pariġi, sar obbligatorju li persuna tilbes il-maskra f'dawk il-postijiet pubbliċi li jattiraw ħafna nies u dan hekk kif Franza qed tirreġistra żieda sostanzjali fl-għadd ta’ każi ta’ COVID-19.

Diversi toroq, postijiet pubbliċi, attrazzjonijiet, ġonna, swieq u oħrajn jaqgħu taħt din il-liġi ġodda.

Fi Franza, partikolarment fir-reġjun ta’ Ile-de-France, il-każi splodew fl-aħħar ġimgħat, bl-istess reġjun qed jirreġistra madwar 400 każ ġdid kuljum.

Kif qed jiġri madwar l-Ewropa kollha, il-maġġoranza tal-każi l-ġodda qed ikunu fost żgħażagħ ta’ bejn l-20 u t-30 sena.

Il-maskra trid tintlibes minn kull persuna li għandha minn 11-il sena ‘l fuq, bil-liġi se tibqa’ fis-seħħ għal madwar xahar.

Min jinqabad mingħajr maskra, jista’ jeħel multa ta’ €135.

Apparti Pariġi, anke bliet oħra fi Franza, bħal Lille, Nice u Toulouse għamlu l-ilbies tal-maksra mandatorju għal dawk il-postijiet l-aktar popolari man-nies u t-turisti.

More in Barranin