Italja | Wara rekord ta' mwiet jingħalqu wkoll il-fabbriki u diversi postijiet tax-xogħol

Ħabbar dan illejla il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte bil-għan li aktar nies joqogħdu d-dar mingħajr il-bżonn li joħorġu

 

 

Wara li f'24 siegħa l-coronavirus ħalla ftit inqas minn 800 vittma fl-Italja, il-Prim Ministru Giuseppe Conte żied il-miżuri biex issa se jingħalqu wkoll il-fabbriki u l-postijiet tax-xogħol, inkluż uffiċini pubbliċi u privati li l-operat tagħhom mhuwiex neċessarju bħalissa.

Conte ħabbar dan illejla waqt li indirizza lin-nazzjon hekk kif spjega wkoll li b'effett immedjat se tieqaf ukoll il-kostruzzjoni, filwaqt li jibqgħu miftuħa biss l-istabbilimenti li jbiegħu l-ikel, l-ispiżeriji, is-servizzi finanzjarji bħall-banek u attivitajiet ekonomiċi oħra li huma neċessarji.

L-għan ta' dawn il-miżuri huwa li inqas nies joħorġu minn darhom biex l-imxija tal-coronavirus tkun ikkontrollata kemm jista' jkun malajr.

"Hija miżura diffiċli ħafna, iżda hija miżura neċessarja biex kemm jista' jkun malajr nikkontrollaw l-imxija ta' din l-epidemija," insista Conte waqt li saħaq li dawn huma żminijiet li qatt ma huma se jintesew, aktar u aktar meta wieħed jiftakar fl-għadd tal-vittmi li l-coronavirus qed iħalli fl-Italja.

Saħaq li s-sagrifiċċju li qed jagħmlu ħafna, billi jobdu l-istruzzjonijiet u jibqgħu d-dar, ma huma xejn ħdejn is-sagrifiċċju li qed jagħmlu ħafna professjonisti, tobba u infermiera, li kuljum qed jissugraw ħajjithom biex jagħtu servizz u jduru bil-pazjenti. Tenna dak li qal fl-aħħar jiem u insista li anke jekk dawn il-miżuri huma drastiċi u iebsa, ir-riżultati tagħhom mhux se jidhru mill-ewwel. 

"Kwalunkwe miżura li llum qed tidher pass lura, huwa pass biex għada nerġgħu naqbu r-ritmu, nirritornaw fil-fabbriki tagħna, fl-uffiċini tagħna , fil-pjazez tagħna fejn nerġgħu ngħannqu lill-qraba u lill-ħbieb tagħna. Qed nissagrifikaw l-aktar affarijiet li nħobbu, iżda qed nagħmlu dan għax inħobbu l-Italja," insista Conte.

Intant hu mifhum li l-lockdown li l-Gvern Taljan ħabbar għaxart ijiem ilu u li kellu jibqa' fis-seħħ sat-3 ta' April mistenni jkun imġedded b'mod indefinit, hekk kif l-Italja tkompli tiġġieled konta dan il-virus li flaġellaha.

Filmati u anke ritratti juru swali sħaħ bit-twiebet u vannijiet militari li qed iwasslu l-iġsma fiċ-ċimiterji fejn qed jindifnu mingħajr rit jew ċerimonji "għax żmien ma hemmx."

L-agħar milquta hija l-Belt ta' Bergamo, fir-reġjun tal-Lombardia, viċin Milan, fejn is-swali tal-isptarijiet huma nvażati bil-pazjenti u l-pressjoni fuq it-tobba tkompli tikber hekk kif il-każijiet ġodda qed jiżdiedu b'rati dramatiċi. 

More in Barranin