Joe Biden jikseb rebħa importanti f'Michigan u tliet stati oħra

Hekk Biden kompla jżid id-distakk tiegħu fuq ir-rivali Bernie Sanders fit-tellieqa biex jintagħżel il-kandidat tal-Partit Demokratiku li se jipprova jaqla' lil Trump mill-White House

L-eks Viċi President Amerikan, Joe Biden, saħħaħ il-kandidatura tiegħu biex jirbaħ l-appoġġ tal-Partit Demokratiku għall-elezzjoni Presidenzjali ta’ Novembru li ġej.

Biden rebaħ il-primarji fl-istat ta’ Michigan biex hekk kompla jżid is-sapport tiegħu fuq dak tas-Senatur Bernie Sanders li miegħu qed itellaq biex jirbaħ il-kandidatura tal-Partit Demokratiku.

Apparti Michigan, ivvotaw ukoll id-delegati fl-istati ta’ Washington, Missouri, Mississippi, Idaho and North Dakota

Biden irreġistra rebħiet kbar ukoll f’Missouri, Mississippi u Idaho.

Biex kandidat jissiġġilla n-nominazzjoni tiegħu, irid li jollu s-sapport ta’ 1,991 delegat. Qabel il-vot tal-bieraħ, Biden kellu warajh 648 delegat filwaqt li Sanders kellu 563.

Il-primarji li jmiss issa se jsiru l-ġimgħa d-dieħla fejn il-kandidati se jissieltu għal 577 delagat.

Biden beda fuq sieq ħażina meta saru l-votazzjonijiet fl-ewwel stati iżda kiseb rebħa importanti f'Super Tuesday u minn hemm reġa' kiseb il-popolarita u s-saħħa tiegħu u reġa' qed itellaq fuq quddiem nett.

More in Barranin