Joe Biden jissiġġila l-kandidatura tiegħu ... Jirbaħ disa' stati waqt Super Tuesday

Dawn il-primarji huma importanti biex f'Lulju li ġej jintagħżel il-kandidat li se jtellaq kontra l-President Donald Trump

L-eks Viċi President Amerikan Joe Biden reġa’ lura b’saħħtu hekk kif waqt dak magħruf bħala Super Tuesday rebaħ il-primarji f’disgħa minn erbatax-il stat li vvota biex jintagħżel il-kandidat tal-Partit Demokratiku li f’Novembru li ġej se jikkontesta kontra l-President Donald Trump.

Minkejja li fi stati oħra, fil-ġimgħat li għaddew, Biden ma kisibx l-aqwa riżultati, kontra kull previżjoni, kiseb rebħiet importanti f’Super Tuesday, fosthom anke fl-istat importanti ta’ Texas fejn bi ftit voti rebħu minn idejn Bernie Sanders. 

Il-voti għadhom qed jiġu mgħoddija, b’Sanders mistenni jirbaħ California, l-akbar stat u anke tliet stati oħra.

Min-naħa l-oħra, l-eks sindku ta’ New York, Michael Bloomberg, anke jekk nefaq nofs biljun dollari fuq il-kampanja, ma rnexxilux jirbaħ lanqas stat wieħed.

Dawn l-elezzjonijiet li saru fl-aħħar sigħat huma meqjusa importanti għax permezz tagħhom jitqassmu l-1,300 delegat (fost il-kandidati), minn 1,991 delegat li huma meħtieġa biex f’Lulju li ġej jintgħażel il-kandidat Demokratiku.

Bħalissa, Biden għandu warajh 402 delegati, filwaqt li Sanders 314.

More in Barranin