Coronavirus | L-iskejjel u l-universitajiet fl-Italja jingħalqu sal-15 ta' Marzu

B'kollox, fl-Italja, ġew infettati 'l fuq minn 2,700 persuna u aktar minn 100 pazjent tilef ħajtu

L-iskejjel u l-universitajiet kollha fl-Italja jinsabu magħluqa sal-15 ta’ Marzu, bil-għan li jkun ikkontrollat it-tixrid tal-coronavirus.

Id-deċiżjoni ttieħdet mill-Gvern Taljan, anke jekk il-Kumitat Tekniku li twaqqaf apposta huwa xettiku dwar kemm din il-miżura se twaqqaf it-tixrid tal-virus li fl-Italja qed jinxtered b’ritmu mgħaġġel.

Din hija biss waħda mill-miżuri li qed jittieħdu fl-Italja, hekk kif fl-aħħar jiem ġew sospiżi wkoll diversi partiti tas-Serie A, fost oħrajn.

Sa issa, l-ammont ta’ Taljani infettati bil-coronavirus qabeż l-2,700 persuna. 

Intant, fl-aħħar sigħat kienu rreġistrati l-ewwel żewġ każijiet probabbli f’Valle d’Aosta, l-uniku reġjun fl-Italja li sa issa kien għadu mhux minsus.

B’kollox, sa issa, fl-Italja, il-virus ħasad il-ħajja ta’ 107 persuni.

Intant, l-istat Amerikan ta’ California ddikjara stat ta’ emerġenza wara l-ewwel mewta kkawżata mill-coronavirus, biex b’kollox, fl-Istati Uniti, sa issa, tilfu ħajjithom 11-il persuna.

Il-mara li tilfet ħajjitha kellha 71 sena u kellha kundizzjonijiet oħra. Meta waslet f’dan l-istat, il-mara kienet abbord cruise-liner li bħalissa jinsab kwarantina.

B’kollox, fl-Istati Uniti, hemm minn tal-inqas 150 persuna infettati b’dan il-virus, imferrxa f’16-il stat.

Madwar id-dinja, huma 92,000 dawk infettati, b’aktar minn 80,000 pazjent jinsabu fiċ-Ċina. Sa issa, il-Covid-19 ħasad il-ħajja ta’ 3,000 persuna.

Apparti California, anke Washington u Florida ddikjaraw stat ta’ emerġenza fl-aħħar jiem.

More in Barranin