'O lejl ta' skiet, lejl tal- ... elezzjoni!' Elezzjoni bikrija ftit qabel il-Milied

  • Il-Parlament Ingliż jivvota għal elezzjoni bikrija wara li għal darb'oħra il-ftehim dwar Brexit reġa' weħel
  • Din hija l-ewwel elezzjoni li ser issir f'Diċembru f'seklu sħiħ fir-Renju Unit

Boris Johnson
Boris Johnson

Il-Parlament Ingliż għadu kif approva elezzjoni għat-12 ta' Diċembru, l-ewwel elezzjoni matul dan ix-xahar tal-Milied għal ftit inqas minn 100 sena (mill-1923). Dan seħħ wara li l-Prim  Ministru Ingliż Boris Johnson ippubblika abbozz ta’ liġi li jkollu bżonn maġġoranza sempliċi biss biex ikun jista' jgħaddi elezzjoni ġenerali bikrija, wara nuqqas ta' qbil, mill-ġdid, fuq il-ftehim ta' Brexit.

438 Membru tal-Kamra tar-Rappreżentanti vvutaw favur elezzjoni nhar it-12 ta' Diċembru fi stadju tat-tielet qari, filwaqt li 20 ivvutaw kontra.

Ftit qabel emenda tal-Partit Laburista biex l-elezzjoni ssir nhar id-9 ta' Diċembru minflok, kienet irrifjutata b'distakk ta' 20 vot biss.

Johnson kien qed jisħaq li l-Parlament Ingliż bħalissa huwa staġnat u ma jistax jiffunzjona. Fi kliemu, ma jistax ikun li l-Parlament jibqa’ jżomm “il-pajjiż ostaġġ” waqt li insista li d-Deputati Laburisti ma jistgħux ikunu fdati.

Minkejja li nhar it-Tnejn id-Deputati Laburisti astjenew fuq il-vot dwar elezzjoni bikrija, iktar kmieni wkoll illum il-Mexxej Laburista Jeremy Corbyn ħabbar li d-Deputati Laburisti se jivvotaw biex il-pajjiż imur għal elezzjoni

Fil-vot tal-bieraħ, 299 ivvotaw kontra l-mozzjoni ta’ Johnson għal elezzjoni bikrija, filwaqt li 70 vvutaw kontra. Id-Deputati kollha Konservattivi qablu mal-mozzjoni, filwaqt li mad-Deputati Laburisti astjenew ukoll mill-vot, l-SNP u d-DUP. 

Dawk tal-Liberali Demokratiċi vvutaw kontra ħlief Deputat wieħed.

Il-Brexit reġa kien estiż sal-31 ta’ Jannar mill-Unjoni Ewropea, hekk kif il-pajjiż suppost kellu jitlaq minn dan il-blokk politiku sa' għada, il-31 ta' Ottubru.

L-elezzjoni fix-xahar tal-Milied suppost għandha tissiġilla l-proċess tal-Brexit bil-poplu jagħti direzzjoni dwar x'tip ta' Brexit jixtieq. Is-sondaġġi xjentifiċi sa issa qed juru lill-Partit Konservattiv ta' Johnson fuq quddiem.

More in Barranin