Il-Partit Laburista Ingliż se jappoġġja elezzjoni ġenerali bikrija

Corbyn qal li issa jista' jserraħ rasu ġaladarba Brexit mingħajr ftehim mhux se jkun qed iseħħ

Il-Mexxej tal-Partit Laburista Ingliż, Jeremy Corbyn qal li l-partit tiegħu se jkun qed jappoġġja t-talba tal-Prim Minisitru Johnson għal elezzjoni ġenerali bikrija fit-12 ta’ Diċembru.

Corbyn qal li wara li ntlaqgħet il-kundizzjoni li poġġa hu, jiġifieri li Brexit mingħajr ftehim ma jseħħx, il-Partit Laburista lest imur għal elezzjoni ġenerali bikrija.

Madanakollu, Corbyn għadu ma qalx jekk hux se jkun qiegħed jivvota favur l-Abbozz ta’ Liġi li se jressaq il-Gvern aktar tard illum biex jieħu t-tieni ċans wara li lbieraħ il-Parlament ma approvax mozzjoni għal elezzjoni ġenerali bikrija.

Kemm l-SNP u anke d-Demokratiċi Liberali jaqblu ma’ elezzjoni ġenerali bikrija iżda fid-9 ta’ Diċembru.

Skonthom, elezzjoni fid-9 ta’ Diċembru żżomm lil Johnson milli jimbotta l-pjan tiegħu għal Brexit fil-Parlament qabel l-elezzjoni.

Jidher li l-Gvern Ingliż lest jaċċetta elezzjoni fil-11 ta’ Diċembru biex il-partiti kollha jkunu kuntenti.

More in Barranin