Il-Parlament Ingliż għadu kif approva elezzjoni għat-12 ta' Diċembru, l-ewwel elezzjoni matul dan ix-xahar tal-Milied għal ftit inqas minn 100 sena (mill-1923). Dan seħħ wara li l-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson ippubblika abbozz ta’ liġi li jkollu bżonn maġġoranza sempliċi biss biex ikun jista' jgħaddi elezzjoni ġenerali bikrija, wara nuqqas ta' qbil, mill-ġdid, fuq il-ftehim ta' Brexit.
438 Membru tal-Kamra tar-Rappreżentanti vvutaw favur elezzjoni nhar it-12 ta' Diċembru fi stadju tat-tielet qari, filwaqt li 20 ivvutaw kontra.
Ftit qabel emenda tal-Partit Laburista biex l-elezzjoni ssir nhar id-9 ta' Diċembru minflok, kienet irrifjutata b'distakk ta' 20 vot biss.
Johnson kien qed jisħaq li l-Parlament Ingliż bħalissa huwa staġnat u ma jistax jiffunzjona. Fi kliemu, ma jistax ikun li l-Parlament jibqa’ jżomm “il-pajjiż ostaġġ” waqt li insista li d-Deputati Laburisti ma jistgħux ikunu fdati.
Minkejja li nhar it-Tnejn id-Deputati Laburisti astjenew fuq il-vot dwar elezzjoni bikrija, iktar kmieni wkoll illum il-Mexxej Laburista Jeremy Corbyn ħabbar li d-Deputati Laburisti se jivvotaw biex il-pajjiż imur għal elezzjoni.
Fil-vot tal-bieraħ, 299 ivvotaw kontra l-mozzjoni ta’ Johnson għal elezzjoni bikrija, filwaqt li 70 vvutaw kontra. Id-Deputati kollha Konservattivi qablu mal-mozzjoni, filwaqt li mad-Deputati Laburisti astjenew ukoll mill-vot, l-SNP u d-DUP.
Dawk tal-Liberali Demokratiċi vvutaw kontra ħlief Deputat wieħed.
Il-Brexit reġa kien estiż sal-31 ta’ Jannar mill-Unjoni Ewropea, hekk kif il-pajjiż suppost kellu jitlaq minn dan il-blokk politiku sa' għada, il-31 ta' Ottubru.
L-elezzjoni fix-xahar tal-Milied suppost għandha tissiġilla l-proċess tal-Brexit bil-poplu jagħti direzzjoni dwar x'tip ta' Brexit jixtieq. Is-sondaġġi xjentifiċi sa issa qed juru lill-Partit Konservattiv ta' Johnson fuq quddiem.