EURO 2024: Li għandek tkun taf

Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn dak kollu li għandu x’jaqsam mal-logħob tal-UEFA EURO 2024

Il-Kampjonat Ewropew tal-Futbol tal-irġiel huwa wieħed mill-akbar avvenimenti sportivi fl-Ewropa, b’din l-edizzjoni tiġi ospitata fil-Ġermanja. Imma min huma l-favoriti? Fejn se jsiru l-logħob? U xi ngħidu għas-sitwazzjoni tas-sigurtà kawża tal-akbar kunflitti fl-Ewropa? 

Bħalissa, il-bookmakers għandhom lill-Ingilterra bħala l-favoriti li jirbħu t-tazza, bl-aħħar tim li rebaħ erba’ snin ilu, l-Italja, isibu ruħhom fis-sitt post. 

Jekk min-naħa l-oħra nagħtu daqqa t’għajn lejn ir-rankings tad-dinja, hawn it-trofew imur għand Franza, li bħalissa l-bookmakers tefgħuhom fit-tieni post. 

Warajhom insibu l-Belġju (fit-tielet post), l-Ingilterra (ir-raba’) u l-Portugall (is-sitta). Id-debuttanti Georgia (75 post) huma l-inqas parteċipanti fiċ-ċans li jirbħu l-Kampjonat Ewropew. 

Il-format tat-tournament huwa l-istess bħall-aħħar żewġ Euros tal-irġiel, b’24 nazzjon jieħdu sehem.  

Fil-bidu, erba’ timijiet se jilagħbu f’sitt gruppi. Ir-rebbieħa tal-grupp u r-runners-up, kif ukoll l-aħjar erba’ timijiet fit-tielet post, jgħaddu għar-rawnd tal-aħħar 16.  

Jekk timijiet fl-istess grupp ikollhom l-istess punti, jgħaddi dak li rebaħ lil ta’ bejniethom. Jekk żewġ timijiet fit-tielet post fi gruppi differenti jkunu ndaqs fuq punti, tidħol id-differenza tal-gowls. 

Is-sistema tan-knockout imbagħad tkompli mill-kwarti tal-finali u s-semifinali sal-finali. Jekk ma jkunx hemm rebbieħ sad-90 minuta, il-logħob tan-knockout jiġu deċiżi permezz ta’ żewġ perjodi ta’ ħin barrani ta’ 15-il minuta u jekk kollox jibqa’ l-istess, il-lotterija tal-penalties tiddetermina r-rebbieħ. 

Fejn se jintlagħbu l-partiti? 

Il-51 partita tal-kampjonat se jintlagħbu f’10 postijiet differenti. L-iktar li se jospitaw logħbiet huma l-Olympiastadion f’Berlin (jilqa’ fih 71,000 spettatur), Munich (jilqa’ fih 66,000 spettatur) u Dortmund (li jilqa’ fih 62,000).  

L-ikbar grawnd mill-10, dak ta’ Berlin, se jospita l-iktar partiti importanti, inkluż il-kwarti tal-finali, u l-finali fl-14 ta’ Lulju. Għaldaqstant, il-Euro 2024 tiftaħ fl-14 ta’ Ġunju fi Munich bil-partita bejn il-Ġermanja u l-Iskozja. 

Ħames partiti kull wieħed huma skedati fi grawnds fi Stuttgart (51,000), Hamburg (49,000), Düsseldorf u Frankfurt (47,000), u Cologne (43,000), u erbgħa kull wieħed f’Leipzig (40,000) u Gelsenkirchen (50,000).  

Düsseldorf hija l-unika belt li ma ospitatx logħob l-aħħar darba li l-Ġermanja ospitat avveniment sportiv ta’ din l-iskala, it-Tazza tad-Dinja tal-irġiel tal-2006. 

Fl-2006 kien hemm ukoll il-grawnds ta’ Nuremberg, Hanover u Kaiserslautern li ospitaw xi partiti, iżda din id-darba però se jkollhom jaqbżuha. 

Intant, madwar il-bliet ospitanti kollha, il-logħbiet se jintwerew fuq skrins kbar ukoll. Id-dħul fiż-żoni tal-fans u żoni oħra tal-wiri pubbliku huwa b’xejn.  

Kif kien il-każ waqt it-Tazza tad-Dinja tal-2006, għexieren ta’ eluf ta’ partitarji tal-futbol mistennija jinġabru fil-Bieb ta’ Brandenburg f’Berlin, fil-Park Olimpiku ta’ Munich, jew fuq ix-xatt tax-Xmara Main fi Frankfurt biex isegwu l-logħob flimkien.  

X’inhi s-sitwazzjoni bis-sigurtà? 

Kontrolli fuq il-fruntieri huma ppjanati matul il-kampjonat kollu. L-awtoritajiet tas-sigurtà qed jiġu preparati biex jipprevjenu kwalunkwe terroristi milli jidħlu fil-Ġermanja.  

Il-Pulizija Federali tal-Ġermanja, li huma responsabbli għall-fruntieri, se jkollhom madwar 22,000 uffiċjal madwar il-pajjiż kuljum.  

Se jkunu appoġġjati wkoll minn diversi mijiet ta’ kollegi minn barra.  

Il-koperazzjoni mal-forzi tas-sigurtà Franċiżi hija partikolarment mill-qrib – anki fid-dawl taż-żewġ avvenimenti sportivi ewlenin f’Pariġi wara l-Kampjonat Ewropew – il-Logħob Olimpiku (mis-26 ta’ Lulju sal-11 ta’ Awwissu) u l-Logħob Paralimpiku (mit-28 ta’ Awwissu sat-8 ta’ Settembru). 

Fost miżuri oħra meħuda minn pajjiżi lil hinn mill-Ġermanja, insibu lill-Gvern Ingliż, li impona projbizzjoni tal-ħruġ fuq 1,600 partitarju meqjusa bħala potenzjalment vjolenti għat-tul tal-Kampjonat Ewropew. 

Skont il-Ministeru tal-Intern Ġermaniż, ir-riskju tas-sigurtà se jiġi evalwat mill-ġdid kuljum. 

More in Sports