Anastasi Panini ma jbigħx stickers tal-UEFA Euro wara snin ta’ suċċess
Il-ħanut Anastasi Panini fil-Belt Valletta, għall-ewwel darba wara deċenji, mhux se jkun qed ibiegħ il-kollezzjoni tal- Kampjonat UEFA Euro, wara li l-kumpanija Taljani Panini tilfet il-kuntratt li kellha mal-UEFA
Il-ħanut popolari mal-kollezzjonisti Anastasi Panini fil-Belt Valletta, din is-sena mhux se jkun qiegħed ibigħ il-kollezzjoni tal- Kampjonat UEFA Euro.
Minflok se jkun qed ibiegħ kollezzjoni ġdida tal-kumpanija Panini, mhux relatati mal-istess kampjonat.
Jirraporta dan, is-sit Who’s Who, spjega kif din l-aħbar ġiet wara snin twal tal-kumpanija Panini tipproduċi l-albums tal-istikers popolari għall-Kampjonati Ewropej tal-irġiel.
Pero’ l-kuntratt mal-istess kumpanija ġie fi tmiem fl-2022, wara li l-UEFA laħqet ftehim ġdid mal-kumpanija rivali Amerikana Topps biex tkun hi li tipproduċi l-kollezzjonijiet tal-2024 u l-2028.
Il-kumpanija Taljana kienet ipproduċiet l-albums tal-istikers għal kull edizzjoni tat-tournament mill-1976.
Issa, Topps ħarġet il-kollezzjoni tal-istikers, bil-manager leġġendarju tal-futbol Portugiż José Mourinho bħala ambaxxatur.
Panini, pero se tipproduċi l-kollezzjonijiet uffiċjali tal-Premier League Ingliż u tas-Serie A Taljana, u se żżomm id-drittijiet li tipproduċi l-albums tal-istikers tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA.
Il-ħanut f’waħda mill-kantunieri ta’ Triq Merkanti, Anastasi Panini, kien id- distributur ewlieni f’Malta għal kumpanija Taljana.
Kienet kważi saret parti mit-tradizzjoni li quddiem il-ħanut, kuljum, waqt il-kampjonat, ikun mifqugħ nies ipartu stickers għal kollezzjoni tagħhom.
Il-quddiem, bl-introduzzjoni ta’ gruppi fuq Facebook, din it-tradizzjoni baqgħet għaddejja bejn il-kollezzjonisti anke wara li jagħlaq il-ħanut.
Anastasi kien fetaħ il-bibien tiegħu fl-1970, bis-sid, Dominic Anastasi, jibda’ jimporta l-istickers hu stess fl-istess żmien.