Isostnu rwieħhom billi jiffirmaw żgħażagħ barranin
Ħarsa lejn għalfejn jista’ jkun li tim li rebaħ il-Kampjonat tal-Gana biegħ disa’ plejers lil Sirens FC, u kif Malta nistgħu nitgħallmu minnhom. Timmy Gingell minn Swieqi FC jispjega kif ilhom snin iħaddmu dan il-mudell
L-aħbar li Sirens FC akkwistaw plejers barranin qajmet furur mis-segwaċi tal-futbol fuq il-midja soċjali, b’ħafna jilmentaw kif dawn it-tip ta’ trasferimenti qed joħonqu l-opportunitajiet għal plejers Maltin sabiex jiksbu l-esperjenza fil-quċċata tal-futbol Malti.
Qamet ukoll mistoqsija oħra; għalfejn klabb jiddeċiedi li jneħħi tmien plejers minn skwadra li għadha kemm rebħitu kampjonat? X’sens tagħmel li titlef is-servizz ta’ massa ta’ plejers li huma ta’ valur għoli għall-klabb?
Raġuni waħda hija s-somom ta’ flus li potenzjalment tħallsu direttament minn Sirens FC sabiex jakkwistaw dawn il-plejers. Però mhux biss, hemm diversi raġunijiet oħra finanzjarji li minnhom jistgħu jibbenefikaw Madeama FC.
Dawn normalment ikunu marbutin ma’ trasferimenti futuri tal-plejers. Meta dawn il-plejers jilgħabu f’Malta, huma jkunu daħlu sieq fil-futbol Ewropew. B’hekk, minħabba l-prossimità, hemm aktar ċans li jiġu nnotati minn klabbs kbar li lesti li jħallsu somom akbar għalihom, minħabba l-kobor u r-riżorsi finanzjarji ta’ dawn il-klabbs.
Meta wieħed jikkonkludi dawn it-tip ta’ trasferimenti, jista’ jdaħħal klawsoli fil-kuntratt fejn ikunu entitolati għal perċentwal mis-somma tat-trasferiment li jsegwi. Dan ifisser li, jekk jeżistu dawn it-tip ta’ klawsoli fit-trasferimenti bejn Madeama FC u Sirens FC, Madeama jkunu entitolati għal perċentwal fl-eventwalità li dan il-plejer jinbigħ lil klabb ieħor.
Apparti dawn, regola tal-FIFA li ftit nies jafu biha huwa l-mekkaniżmu tas-solidarjetà. Din inħalqet wara li nqata’ l-każ ta’ Bosman lura fl-1995. L-eżitu ta’ dan il-każ kien li plejer jista’ jiċċaqlaq għal klabb ieħor fi tmiem il-kuntratt tiegħu, wara li din jiskadi. B’hekk, il-klabbs tilfu l-inċentiv li jħarrġu l-plejers minn età żgħira, għalhiex dawn setgħu jitilqu mingħajr ma qatt il-klabb jara ritorn fuq l-investiment.
B’hekk, il-FIFA daħlet dan il-mekkaniżmu, fost oħrajn, sabiex tikkumpensa. Meta plejer jiċċaqlaq minn pajjiż għall-ieħor għal-somma, il-klabbs kollha li kienu ta’ kontribut lejn l-iżvilupp tiegħu huma entitolati għal porzjoni mis-somma totali. Dan il-porzjon jammonta għal 5% tal-istess somma, liema somma tkun maqsuma bejn il-klabbs kollha li ħarrġu l-plejer bejn l-etajiet ta’ 12 u 23 sena. Din tinqasam skont kemm il-sena tħarreġ magħhom, b’rati aktar għoljin għas-snin ta’ wara għeluq is-16-il sena.
Importanti li wieħed jinnota li din ma tapplikax biss għall-ewwel trasferiment tal-plejer wara li jitlaq, bħal kif inhu l-każ fi klawżoli li jitniżżlu f’kuntratt ta’ trasferiment. Dawn huma somom li klabb jibqa’ jirċievi għal kull somma li titħallas għall-plejer sabiex jiċċaqlaq minn pajjiż għal pajjiż tul it-totalità tal-karriera tiegħu.
Eżempju lokali ta’ klabb li gawda minn dawn ir-regolamenti huma Floriana FC. Uħud li ilhom isegwu l-futbol lokali żgur mhux forsi jiftakru lill-plejer Igor Coronado, li lagħab mal-klabb bejn is-sena 2012 u s-sena 2016, tul liem perjodu lagħab 63 logħba fejn skurja 32 gowl. Coronado, li twieled fl-1992, kien imħarreġ minn Floriana FC bejn l-etajiet ta’ 20 u 23 sena.
Kawża ta’ dan, Floriana FC ħadu numru ta’ pagamenti mit-trasferimenti ta’ dan il-plejer. Fl-2018, huwa ġie trasferit minn Palermo fl-Italja għal ma’ Sharjah FC fl-Emirati Għarab Magħquda, għal €6 miljun. Fl-2021, huwa ġie trasferit għal ma’ Al-Ittihad fl-Arabja Sawdija, għal madwar €10 miljun. Minn dawn, Floriana għamlu profitti konsiderevoli.
Jista’ jagħti l-każ li t-tim mill-Għana qed jittama li l-plejers li ġew trasferiti ma’ Sirens ikollhom trajettorja simili fil-karriera, u b’hekk ikunu jistgħu jigwadanjaw minn dawn ir-regolamenti. Apparti minn hekk, Sirens FC ukoll kapaċi jgawdu magħhom, hekk kif sitta mill-plejers għad m’għalqux it-23 sena, u b’hekk Sirens se jkunu qed jirċievu porzjoni mis-somom kollha futuri minn pajjiż għal ieħor ta’ dawn il-plejers. Meta mistoqsija dwar jekk din kinitx konsiderazzjoni, Sirens FC ma xtaqux jikkummentaw.
L-ILLUM tkellmet ma’ sors mill-MFA dwar jekk dan ir-regolament għandux ikun parti ċentrali mill-mudell ekonomiku tal-klabbs Maltin. Huwa saħaq li, “il-Maltin għandna l-nirrikonoxxu ċ-ċokon tagħna. Madankollu, għandna napprezzaw ukoll li l-futbol Malti jagħti aċċess għall-bqijja tal-Ewropa. Ċertu klabbs Maltin ilhom snin b’dan il-mudell ekonomiku, u aktar klabbs għandhom jikkunsidraw dan.”
Huwa spjega kif anke timijiet akbar minn dawk Maltin jagħmlu dan. Fosthom issib ġganti bħal Ajax Amsterdam, li jagħmlu parti kbira mill-bejgħ ta’ plejers li jkunu żviluppaw huma stess.
Swieqi United ilhom snin jimxu fuq dan il-mudell. L-ILLUM tkellmet ma’ Timothy Gingell, membru tal-Kumitat tal-klabb. Dan spjega kif il-klabb għandu ftehim ma’ klabb Niġerjan, fejn ta’ kull sena jmorru jaraw l-aktar plejers promittenti, normalment bejn 18 u 21 sena, li jkun hemm magħhom. Minn dawn, dawk li jogħġbu lil Swieqi United jiġu ffirmati.
Skont Gingell, Swieqi ma jħallsux flus għal dawn il-plejers. Minflok, ikun hemm qbil fuq porzjoni mis-somma li Swieqi FC jieħdu meta dan il-plejer jinbiegħ minnhom. B’hekk, klabb Malti b’finanzi limiti jaqtgħu ukoll l-ispejjes tat-trasferimenti tal-plejers barranin. Barra minn hekk, dawn il-karatteristiċi personali ta’ dawn il-plejers ikunu diġa ġew evalwati minn klabb li Swieqi għandhom relazzjoni magħhom u javdaw. B’hekk, jonqos ir-riskju li Swieqi jiffirmaw barranin bi problemi bħal pereżempju attitudni mhux kif mixtieqa.
Minn naħa l-oħra, Swieqi jorganizzaw korsijiet ta’ taħriġ tal-kowċis fin-Niġerja, sabiex il-livell tal-futbol lokali fil-pajjiż dejjem jogħla.
Jekk dawn il-plejers li jingħaqdu ma’ Swieqi jirnexxielhom jużaw l-opportunità sabiex jibnu karriera f’diviżjonijiet aktar prestiġġjużi madwar l-Ewropa, ikunu ż-żewġ timijiet li jgawdu. Dan peress li l-plejer ikun lagħab maż-żewġ timijiet bejn l-etajiet ta’ 12 u 23, u b’hekk iż-żewġ klabbs ikunu entitolati għall-mekkaniżmu ta’ solidarjetà.