Tony Drago jerġa’ jikteb l-Istorja ta’ leġġenda tal-isport Malti: “Kuntent għalija u għal Malta”
"Qed nieħu pjaċir nilgħab u qed nilgħab tajjeb. Hija l-ħolma ta’ kull plejer li jilgħab u jirbaħ fit-teatru Crucible ta’ Sheffield, fl-Ingilterra" - Drago
Tony Drago kwalifika għas-semifinali tal-Masters tad-Dinja tal-Over 40’s meta b’wirja kbira għeleb fil-kwarti tal-finali lill-plejer professjonali Mark Davies tal-Ingilterra, 4 frames għal 3.
Ikkuntattjat minn ILLUM, Drago wera sodisfazjon kbir għal dan ir-riżultat.
“Kuntent għalija u għal Malta. Qed nieħu pjaċir nilgħab u qed nilgħab tajjeb. Hija l-ħolma ta’ kull plejer li jilgħab u jirbaħ fit-teatru Crucible ta’ Sheffield, fl-Ingilterra.
“Qed nagħti kull ma nista. M’għadnix bħal qabel nitħarreġ kuljum u sigħat twal. Nitħarreġ biss fl-akkademja li għandna fil-Ħamrun,” qal Drago.
Drago kien 3 frames minn fuq iżda Davies kellu rimonta u tajba u għamilhom 3-3, bi frame minnhom li anki għamel brejk ta’ 137. Madankollu, Drago żamm il-kalma u l-klassi u rebaħ il-frame finali.
Tony Drago jilgħab fis-semifinali l-Ħadd kontra Jimmy White, ħabib kbir tiegħu, jew Adrian Ridley, bil-partita ta’ bejniethom li tintlagħab tard is-Sibt filgħaxija.