Il-futbol Malti jsellem lil Andrei Agius, Ryan Fenech u Omar Borg

It-tliet plejers lagħbu u kienu protagonisti għal snin twal fil-Kampjonat BOV Premier u t-tim nazzjonali Malti, b’Agius li lagħab ukoll għal snin twal barra minn Malta.

 

Ryan Fenech, Andrei Agius u Omar Borg
Ryan Fenech, Andrei Agius u Omar Borg

Ftit tal-jiem ilu, Andrei Agius, Ryan fenech u Omar Borg għamluha uffiċjali li dan kien l-aħħar staġun għalihom wara karriera ta’ diversi snin.

It-tliet plejers lagħbu u kienu protagonisti għal snin twal fil-Kampjonat BOV Premier u t-tim nazzjonali Malti, b’Agius li lagħab ukoll għal snin twal barra minn Malta.

Andrei Agius hu l-aktar difensur ċentrali Malti ta’ profil għoli ta’ dawn l-aħħar snin. Hu kien beda l-karriera ma’ Sliema Wanderers u f’pajjiżna lagħab ukoll ma’ Birkirkara u Hibernians, bit-tim Pawlist ikun l-aħħar wieħed tiegħu li miegħu lagħab aktar minn 200 partita.

Agius lagħab 103 partiti mat-tim nazzjonali Malti u rtira fis-sena li għaddiet wara nuqqas ta’ ftehim mal-ex kowċ nazzjonali, Devis Mangia.

Agius kellu karriera sħiħa fl-Italja fejn lagħab ma’ Sporting Mascalucia, Messina, Martina, Igea Virtus, Cassino, Melfi, Latina, Torres u Aprilia. Hu jibqa’ l-uniku plejer fl-Istorja tal-futbol Malti li kellu sehem f’partita uffiċjali tas-Serie A fl-Italja meta lura fl-2007, ta’ 21 sena, kien fuq il-bankina tar-riservi mal-klabb ta’ Messina meta dak iż-żmien kienu fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Taljan.

Andrei Agius rebaħ il-Plejer tas-Sena tal-MFA fl-2019.

Ryan Fenech ukoll kellu karriera brillanti u kien wieħed mill-aktar midfielders tekniċi ta’ dawn l-aħħar snin. Hu beda l-karriera tiegħu ma’ Hamrun Spartans. Hu lagħab ukoll ma’ Sliema Wanderers, Valletta, Balzan, Birkirkara u Marsa.

Fenech lagħab ukoll 49 partita mat-tim nazzjonali Malti u skurja gowl.

Hu kien rebaħ l-unur tal-Plejer tas-Sena fl-istaġun 2013/14.

Plejer ieħor li ħabbar l-irtirar tiegħu hu l-gowlkiper Omar Borg.

Sorsi tal-gazzetta ILLUM jikkonfermaw li Omar Borg se jkun qed jieħu rwol fil-klabb ta’ Naxxar Lions li mill-istaġun li ġej se jerġgħu jilagħbu fil-Kampjonat BOV Premier.

Borg kien ilu jħoss li wasal iż-żmien li jaħsel l-ingwanti darba għal dejjem u dan kien il-mument perfett għalih biex jibdel ħajtu minn plejer għal amministratur.

Fil-karriera tiegħu, minbarra ma’ Naxxar Lions, Omar Borg lagħab ma’ Msida St Joseph, Birkirkara, Hamrun Spartans, Marsaxlokk, Mosta  u Mġarr Utd.

Borg għamel parti wkoll mit-tim nazzjonali Malti ta’ taħt it-18-il sena u l-21 sena.

Hu kien għamel perjodu wkoll mat-tim nazzjonali A iżda qatt ma lagħab partita uffiċjali.

More in Sports