Ir-Re tal-futbol, Pelé: 'Raġel li lagħab mal-istilel iżda baqa' saqajh mal-art'

Id-dinja tal-futbol tilbes l-iswed hekk kif leġġenda jmut u jħalli warajh armata ta' nies li jħobbuh

Pelé imut wara battalja qalila mal-kanċer
Pelé imut wara battalja qalila mal-kanċer

Ilbieraħ filgħaxija d-dinja tal-futbol ingħaqdet b'niket wara t-tħabbira tal-mewt, "tar-Re tal-Futbol", Edson Arantes do Nascimento magħruf popolarment bħala Pelé, fl-età ta' 82 sena wara battalja qalila kontra l-kanċer. 

Bosta plejers ingħaqdu mal-bqija tad-dinja biex jesprimu s-sogħba tagħhom, fil-fatt Neymar Jr - Brażiljan ukoll, qal li darba lemah frażi li tgħid li, "qabel ma' beda jilgħab Pelé in-numru 10 kien ifisser biss numru. Filwaqt li din il-frażi hija sabiħa mmens, mhix kompluta. Qabel Pelé, il-futbol kien biss sport. Pelé kien il-vuċi ta' diversi nies foqra, nies ta' ġilda skura u xeħet dawl partikolari fuq il-Brażil. Illum m'għadux magħna iżda l-preżenza tiegħu tibqa' għal dejjem." 

Intant il-funeral ta' Pelé se jsir nhar it-Tnejn li ġej fl-istadium ta' Vila Belmiro, f'Santos. Rapporti fil-midja Brażiljana saħansitra qed iqabblu l-ippjanar tal-funeral tiegħu ma' dak tar-Reġina Eliżabetta II, jiġifieri tal-operazzjoni London Bridge. 

Ilbieraħ tkellem ukoll il-plejer Ġermaniż Franz Beckenbauer li qal illi l-futbol tilef l-aqwa raġel fl-istorja "u jien tlift ħabib uniku. Pelé kellu tliet iqlub; Għall-futbol, għall-familja u għan-nies. Raġel li lagħab mal-istilel iżda baqa' saqajh mal-art." 

Maħbub u qatt misni. Min hu Pelé?

Pelé, sinonimu mat-tim tal-futbol Brażiljan, sa llum huwa l-unika plejer li rnexxielu jkun parti mit-tim rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja għal tliet darbiet, jiġifieri fl-1958, fl-1962 u fl-1970. Apparti minn hekk, Pelé kien l-iżgħar plejer li skurja u li kien parti mit-Tim Rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja, fl-età ta’ 17-il sena.

Iżda għaliex Pelé sar magħruf bħala, il-Pelé? Imwieled fl-1940, huwa ngħata l-isem Edison għall-pijunier Thomas Edison li ivvinta l-bozza, fost diversi affarjiet oħra. Madankollu, il-laqam ingħata mill-plejer favorit tiegħu li kien goalkeeper li jilgħab ma’ missieru fil-klabb tar-raħal, Bilé. Huwa kien spjega mal-ġurnal Ingliż, The Guardian li kien minħabba f’hekk li studenti tal-klassi tiegħu kienu qabdu miegħu u bdew isejħulu Pelé.

Pelé ma’ ngħatax it-titlu ta’ Re tal-futbol ta’ xejn. Fil-fatt f’temp ta' 21 sena, mill-1,363 partita li lagħab, skurja rekord ta' 1,281 gowl. U minn 92 logħba mat-tim Brażiljan huwa skurja 77 darba.  Fil-fatt, filwaqt li jgħid li qatt ma rrikonoxxa lilu nnifsu bħala l-aqwa fid-dinja minn dejjem ħass li l-futbol kienet il-passjoni tiegħu. Tant hu hekk li kien hu stess li qal li, “jien twilidt biex nilgħab il-futbol bħalma Beethoven twieled biex jikteb il-mużika u bħalma Michelangelo twieled biex ipinġi.”

Wara li rtira, Pelé inħatar bħala ambaxxatur tal-futbol u bħala rikonoxximent ta’ snin twal ta’ sevizz fil-kamp sportiv, huwa ingħata l-FIFA Ballon d’Or Prix d’Honneur. Fl-2000 hu flimkien ma’ Diego Maradona ingħataw it-titlu tal-aqwa plejer tas-seklu. Dan filwaqt li fl-2020, huwa ngħata t-titlu ta’ GOAT – l-Aqwa ta’ kull żmien, hunur li ftit għandhom.

Pelé ġie Malta fl-1975

Il-leġġenda Brażiljan, proprju fis-16 ta' April 1975 ġie Malta biex jagħti sessjoni ta' taħriġ lil plejers Maltin fl-Empire Stadium fil-Gżira, ħames snin biss wara li rebaħ it-tielet Tazza tad-Dinja fil-Messiku (1970). 

More in Sports