Qatar 2022 | Qed tikser ħafna rekords, kisret ħafna drittijiet imma xorta qed nibqgħu narawha

Kontroversji u Korruzzjoni. Ħaddiema b’kundizzjonijiet diżumani, logħob mixtri u udjenzi mixtrija wkoll. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn l-iskandli tal-Qatar u dak li ħafna ġurnalisti internazzjonali qed jiddiskrivu bħala sportwashing 

Wasalna issa għall-bidu tat-tieni ġimgħa tal-Tazza tad-Dinja u sa issa rajna ħafna logħob u magħhom, ħafna riżultati sorprendenti. Fost ir-riżultati rajna l-Arabja Sawdija li rebħet lill-Arġentina - tim favorit li jirbaħ dan il-kamjonat, il-Ġermanja tilfet kontra l-Ġappun, il-Qatar, fl-ewwel logħba li fetħet il-kampjonat, tilfet kontra l-Ekwador u Spanja tat tkaxkira nobis lill-Kosta Rika.  

It-tim tal-Ekwador jirbaħ l-ewwel logħoba kontra l-Qatar li fetħet it-Tazza tad-Dinja
It-tim tal-Ekwador jirbaħ l-ewwel logħoba kontra l-Qatar li fetħet it-Tazza tad-Dinja

Jitilfu ħajjithom biex jaqilgħu lira… 6,500 imutu fi sħana kbira 

Kif diġà għamlet referenza għaliha l-ILLUM il-ġimgħa li għaddiet, dan il-kampjonat qed isir għall-ewwel darba f’Novembru u f’Diċembru meta s-soltu dan ikun f’Mejju, Ġunju u Lulju. Dan minħabba t-temperaturi esaġerati li jkollu l-pajjiż ospitant. Il-plejers u s-segwaċi ngħataw l-għażla li jiffrankaw is-sħana taqli l-ankri iżda l-immigranti li kienu qed jibnu dawn l-istadiums biex jaqilgħu lira, ma kellhomx din l-għażla.  

Aktar minn 6,500 ħaddiem mill-Indja, mill-Pakistan, min-Nepal, mill-Bangladesh u minn Sri Lanka tilfu ħajjithom fi żmien 10 snin. Għaldaqstant, kien hemm madwar 12-il mewt ta’ immigrant kull ġimgħa minn Diċembru tal-2010 sal-2020.  

Ħaddiema tal-Qatar waqt il-bini ta' qieħed mill-istadiums
Ħaddiema tal-Qatar waqt il-bini ta' qieħed mill-istadiums

Agħar minn hekk dan in-numru ta’ imwiet mhuwiex finali hekk kif diversi pajjiżi jibagħtu persuni biss biex jaħdmu fuq proġetti speċifiċi, inkluż il-Filippini u l-Kenja. In-numru ma jinkludix ukoll l-imwiet kollha li seħħew minn wara l-2020.  

Fi żmien 12-il sena il-Qatar nieda programm estensiv ta’ bini infrastrutturali biex jilqa’ lit-turisti minn madwar id-dinja, inkluż: Ajruport ġdid, toroq aħjar, sistemi ġodda ta’ trasport pubbliku, lukandi u belt ġdida.  

Id-direttur ta’ FairSquare Projects, grupp ta’ attivisti li jitkellmu favur id-drittijiet tal-ħaddiema Nick McGeehan qal li filwaqt li ma ikkategorizzawx l-impjiegi ta’ dawn il-ħaddiema, “porzjon sinjifikanti ta’ dawn il-ħaddiema kienu fil-pajjiż biss għaliex il-Qatar intagħżel bħala destinazzjoni għall-kampjonat.”  

Tajjeb li nfakkru li fil-Qatar hemm madwar żewġ miljun ħaddiem li huma barranin, 1.5% tal-ħaddiema kollha tal-Qatar. Inkjesti fi ħdan il-pajjiż sabu li qiegħed isir nuqqas serju magħhom għaliex mhux qed jiġu investigati r-raġunijiet għaliex hemm rata ta’ imwiet kbira ta’ ħaddiema żgħażagħ.  

Il-ħaddiem Nepaliż Ghal Singh Rai ħallas €1,162 fi spejjeż biex jingħata impjieg bħala cleaner f’kamp li kien iddedikat għall-ħadiema. Mohammed Shahid Miah mill-Bangladesh ħa xokk fl-akkomodazzjoni tal-ħaddiema meta cables mikxufin ġew milquta mill-ilma. Dawn huma biss ftit mis-6,500 ħaddiem.  

Ħafna ħaddiema oħra mietu “mewta naturali”, anke jekk dawn kienu fi fjur ħajjithom u kellhom saħħa fiżika tajba. Fil-fatt 80% tal-ħaddiema Indjani mietu minħabba li s-sistema respitorja u dik kardjovasikulari fallew u għaldaqstant il-Qatar qal li mietu “b’mod naturali.”  

Riċerka ikkummisjonata mill-Organizzazzjoni għall-Ħaddiema Internazzjoni għall-Ġnus Magħquda żvelat li, minn tal-inqas, erba’ xhur mis-sena dawn il-ħaddiema jkollhom jaħdmu fi sħana intensiva. 

B’hekk dawn għandhom ċans kbir li jiġu esposti għal hyperthermia, jiġifieri meta t-temperatura tal-ġisem taqbeż it-38℃. Dan l-istudju indika wkoll li 40% tal-ħaddiema ta’ spiss ikunu neqsin ħafna mill-ilma (dehydrated) sal-aħħar tal-ġurnata ta’ ħidma. Dan il-persentaġġ żdied għal 74% fil-każ ta’ raħħala u bdiewa.  

Madankollu l-uffiċjali tal-Qatar qalu li dawn il-ħaddiema għandhom aċċess għall-kura tas-saħħa tajba u b’xejn u li fl-aħħar deċenju l-inċidenza ta’ imwiet ta’ dawn l-istess ħaddiema, li jekk ma tridx il-Qatar isejħilhom “mistednin”, naqset minħabba r-riformi fi ħdan il-liġijiet li jitrattaw is-saħħa u s-sigurtà.  

Intant din il-ġimgħa l-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Qatar. Il-Membri EwroParlamentari (MEP) ikkundannaw l-imwiet ta’ eluf ta’ ħaddiema migranti primarjament fis-settur tal-kostruzzjoni li għenu lill-pajjiż iħejji għall-kampjonat, kif ukoll dawk kollha midruba. 

Il-Parlament jemmen li sabiex jiġu protetti l-atleti u l-partitarji u jintemm l-isportswashing, l-avvenimenti sportivi internazzjonali m’għandhomx jingħataw lil pajjiżi fejn jinkisru d-drittijiet fundamentali u tal-bniedem u fejn il-vjolenza sessista sistematika hija prevalenti. Kien għalhekk li l-MEPs appellaw lill-FIFA biex jikkontribwixxu għal programm komprensiv ta’ rimedju għall-familji tal-ħaddiema bħala kumpens għall-kundizzjonijiet li ġew soġġetti għalihom.  

‘€10.7 miljun f’tixħim biex jirbħu l-ewwel logħba’ 

Il-Qatar għadha ma tgħallmitx mill-kontroversji ta’ korruzzjoni u trattament diżuman li ħammrulha wiċċha. Prova ta’ dan huwa li ftit sigħat qabel l-ewwel logħba tat-Tazza tad-Dinja, inqabdu jippruvaw jagħmlu forma oħra ta’ korruzzjoni.  

L-awtur u l-espert għall-Affarjiet Politiċi Amjad Taha allega li l-Qatar ipprova jxaħħam lil tmien plejers tal-Ekwador b’xejn inqas minn €10.7 miljun, bil-għan li jħalluhom jirbħu.  

Taha ikkonferma ma’ ħames persuni min-naħa tal-Qatar u tal-Ekwador li l-Qatar xtaqu li jirbħu (1-0) lil dan it-tin u jitħallew jiskurjaw fit-tieni parti tal-logħba. Intant il-Kowċ tat-tim tal-Qatar Felix Sanchez ċaħad dawn l-akkużi. Fil-fatt ir-riżultat ma kienx favurihom.  

“Il-Qatar anke l-udjenza xtrat!” Il-lista tal-kritika tkompli tiżdied u diversi nies fuq il-midja soċjali akkużaw lill-Qatar li xtraw ukoll lill-udjenza li kien hemm fl-istadium. Gazzetta Ġermaniża irraportat dan kollu u qalet li l-Qatar ħallas biex numru ta’ segwaċi tal-futbol internazzjonali jattendu.  

Fil-fatt dan ġie ikkonfermat mill-Kumitat Suprem li kien responsabbli mill-organizzazzjoni tal-kampjonat li ħallas it-titjiriet, l-akkomodazzjoni u flus għall-infieq lil 1,600 persuna minn madwar id-dinja. Hekk kif dawn prattikament marru jaraw it-tazza tad-dinja b’xejn, il-pajjiż talabhom biex jippromwovu l-kampjonat fuq il-midja soċjali.  

Il-Prinċep Mohammed bin Salman
Il-Prinċep Mohammed bin Salman

X’inhu sportswashing?  

Diversi ġurnalisti sportivi minn madwar id-dinja qed jakkużaw lill-Qatar u lill-FIFA bi sportswashing biex “inessu l-inġustizzji u l-kontroversji kbar” li nħolqu f’dan il-kampjonat.  

Wieħed ma jistax jiċħad il-fatt li fid-dawl ta’ dawn il-kontroversji kollha, in-nies xorta għad għandhom ħeġġa kbira biex isegwu t-tazza tad-dinja. U dan jagħmel il-proċess tal-isportswashing, aktar faċli. 

Id-dizzjunarju jirreferi għal din it-terminoloġija bħala persuni, entitajiet jew kumpaniji kontroversjali li jużaw l-isport - parti kbira mill-kulturi kollha ta’ madwar id-dinja - biex jipprovaw jaħbu jew inessu l-kontroversji kbar, speċjalment dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ abbuż u ksur ta’ drittijiet umani.   

Ħafna jqisu l-isportswashing ukoll bħala l-immaniġġjar tar-reputazzjoni ta’ xi entità, pereżempju hemm min jgħid li hekk ġara meta mhux wisq ‘il bogħod mill-Qatar, fl-2021 it-tim Ingliż Newcastle United ġie mixtri b’mod uffiċjali għal €400 miljun mill-Arabja Sawdija, preċiżament mill-Fond Pubbliku għall-Investimenti tal-Arabja Sawdija. Din kienet kontroversjali għal numru ta’ raġunijiet, inkluż il-fatt li dawn il-fondi kellhom rabta mal-Familja Irjali tal-Arabja Sawdija, b’mod speċjali l-Prinċep Mohammed bin Salman, li ordna l-eżekuzzjoni tal-ġurnalist Jamal Khashoggi. Mela hawnhekk l-akkuża hi li l-Familja Irjali tal-Arabja Sawdija għamlet dan l-investiment propju biex tnessi l-involviment ta’ membru tagħha fi qtil mill-aktar kontroversjali u li ħammar wiċċ il-pajjiż.  

Dan apparti l-kultura tal-pajjiż li huwa kontra l-kommunità LGBTIQ+, it-trattament tan-nisa, tal-ħaddiema immigranti u l-attitudni lejn l-Iżrael.  

Minkejja li t-terminoloġija nnifisha ġiet żviluppata riċentament, it-tattika innifisha kienet użata mid-Dittatur Adolf Hitler fil-logħob Olimpiku fl-1936 biex jippromwovi r-razza Arjana - jiġifieri razza ta’ persuni li għalih kienu puri u kellhom valuri ideali għall-pjanijiet tiegħu - biex inessi l-abbuż li kien qiegħed isir fil-pajjiż f’dak il-perjodu.  

‘Minkejja l-allegazzjonijiet, is-segwaċi jibgħu leali’  

B’mod ġenerali, is-segwaċi sportivi jibqgħu leali, minkejja l-allegazzjonijiet li jistgħu itappnu r-reputazzjoni tat-tim jew il-klabb favorit tagħhom. Dan irriżulta minn studju ikkummissjonat minn The Conversation, ġurnal akkademiku li fih eżamina r-relazzjoni bejn is-segwaċi tal-futbol u t-timijiet favoriti tagħhom u kif din taffettwa l-identità tagħhom.   

Irriżulta li minkejja l-allegazzjonijiet, fil-każ ta’ sportswashing u anke oltrè minn hekk, is-segwaċi jibqgħu leali lejn it-timijiet anke jekk ikun hemm allegazzjonijiet kbar. Dan għaliex meta s-segwaċi joħolqu konnessjoni qawwija mat-tim, jinjoraw il-kritika li jkun qed jiriċievi t-tim jew il-klabb stess, bil-għan li jipproteġu s-sens qawwi tal-identità tagħhom li tagħmilhom segwaċi leali. Mhux ta’ b’xejn li analisti politiċi lokali jgħidu li r-relazzjoni ta’ ħafna Maltin mal-partit “tagħhom” qisha dik ta’ partitarju sportiv lejn il-klabb tal-futbol “tiegħu.”  

Fil-fatt dan l-istudju indika wkoll li l-etika u r-responsabilità ta’ klabb ma jagħtihx aktar valur f’għajnejn il-partitarji l-aktar ħorox tiegħu. Dan iwassal biex il-klabbs u l-entitajiet sportivi jkollhom ftit ħeġġa jbiddlu l-prattiċi ħżiena tagħhom la darba ċ-ċapċip u l-ammirazzjoni se jibqgħu jaqilgħuhom xorta.  

More in Sports