Organizzat b'suċċess seminar mill-Malta FA Referees Committee
Is-seminar sar fuq jumejn bejn it-8 u d-9 ta’ Jannar 2020 fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke għall-membri ta’ kull kategorija tal-uffiċjali tal-logħba u l-osservaturi tar-referis
“Motivation and the Desire to Succeed” - Motivazzjoni u x-Xewqa li nirnexxu. Dan kien it-tema ta’ seminar intensiv li ġie organizzat mill-Malta FA Referees Committee għall-uffiċjali tal-logħba bi preparazzjoni għat-tieni parti tal-istaġun tal-futbol lokali.
Is-seminar sar fuq jumejn bejn it-8 u d-9 ta’ Jannar 2020 fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke għall-membri ta’ kull kategorija tal-uffiċjali tal-logħba u l-osservaturi tar-referis.
Il-kelliem ewlieni għal dan is-seminar kien l-eks referì tal-FIFA Ungeriż Szolt Zsabo li qasam ma’ dawk preżenti l-esperjenzi personali kemm dam jikkontrolla l-logħbiet tal-futbol fuq livell domestiku u internazzjonali għal 13-il sena sħaħ. B’kollox Zsabo kkontrolla xejn inqas minn 321 logħba fl-ogħla diviżjoni tal-pajjiż.
Szolt Zsabo indirizza wkoll lill-parteċipanti u tkellem dwar ir-relazzjoni bejn dawk kollha involuti fil-futbol, il-kontroll tal-logħba u l-element ta’ dixxiplina.
Is-seminar kien jinkludi wkoll preżentazzjoni mingħand diversi instructors ikkwalifikati fi ħdan l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol fejn fost diversi temi li ġew diskussi kien hemm il-konsistenza fid-deċiżjonijiet li jittieħdu, l-evalwazzjoni tar-regola tal-offside, il-bżonn li taħdem bħala tim u li tikkopera, l-għoti ġust tal-karti sofor, il-komunikazzjoni mal-plejers, il-personalità u l-fatt li tkun fiżikament tajjeb.
Saret ukoll analiżi dwar logħbiet mill-kampjonat tal-kbar kif ukoll taż-żgħar u minnhom ħarġu diversi punti siewja.
Fid-diskors ta’ konklużjoni, il-viċi-president tal-MFA u chairman tal-kumitat tar-referees Adrian Casha wiegħed l-għajnuna kollha tal-assoċjazzjoni lill-uffiċjali tal-logħba u l-osservaturi tar-referis. Dan kollu jkompli jagħti l-motivazzjoni meħtieġa sabiex dawn l-istess uffiċjali jaħdmu bl-aħjar mod possibbli.