David Farrugia - il-preżent u l-futur tat-table tennis f'pajjiżna

David Farrugia - plejer ewlieni tat-table tennis f'pajjiżna li rebaħ diversi unuri f'dan l-isport. Huwa nnifsu tana iktar dettalji rigward il-karriera tiegħu sa issa f'dan l-isport li tant u tant iħobb

"L-interess fil-logħba tat-Table Tennis beda minn età żgħira, propju mill-bidu tas-sekondarja. Dak iż-żmien kont nattendi l-iskola Sekondarja San Albert il-Kbir, ġewwa l-Belt Valletta. Waqt il-brejk konna ninġabru ċorma ħbieb u mmorru nħaffu lejn il-canteen sabiex nilħqu l-aħjar mejda tat-Table Tennis. Konna nagħmlu l-brejk kollu nilagħbu din il-logħba kif konna nafu aħna."

"Meta kont wasalt fir-raba’ sena tas-sekondarja, ġejna infurmati mis-surmast li waqt lezzjoni tal-attività fiżika, minflok il-lezzjoni tas-soltu, kien ser ikollna dimostrazzjoni minn akkademja tat-Table Tennis minn ġewwa l-istess Belt. Aħna, li kien wieħed mill-isports favoriti tagħna, konna minn ta’ quddiem sabiex nattendu, u nkunu nistgħu nitgħallmu xi punt jew tnejn minn din l-attività. Tabilħaqq, jingħad li konna impressjonati mhux ftit bid-dimostrazzjoni li wrewna. Rajna affarijiet li lanqas qatt ma konna noħolmu li nagħmlu. Ġejna offruti xi dokumenti ta’ informazzjoni rigward din l-akkademja, u jien li kont interessat ferm f’din l-opportunità li nitgħallem iktar fuq dan l-isport, infurmajt lill-ġenituri tiegħi li xtaqt nattendi. Huma aċċettaw bi ħġarhom u bdejt nipprattika t-Table Tennis ġewwa din l-akkademja wara l-iskola, darbtejn fil-ġimgħa."

"Il-kwalità tal-logħob beda jitjieb wara biss ftit sessjonijiet. Fl-ewwel turnew ġewwa l-istess Akkademja, fis-sezzjoni tiegħi, ġejt ikklassifikat fit-tielet post. Kien suċċess kbir għalija, kien l-ewwel turnew li dħalt fih u ġejt it-tielet wara biss tliet xhur nipprattika dan l-isport."

"Sfortunatament, dan kellu jkun perjodu qasir, filwaqt li jien xtaqt inkompli nipprattika dan l-isport, kelli niffoka wkoll fuq l-iskola. Peress li jien kont eleġibbli li nagħti l-eżamijiet tal-livell ordinarju mir-raba’ sena tas-sekondarja, kelli ntemm din l-esperjenza fit-Table Tennis propju hemm, wara biss ftit xhur nipprattikah."

"L-interess f’dan l-isport xorta baqa’ hemm, u għalkemm minħabba ħafna ċirkostanzi ma stajtx inkompli nipprattikah, għamilt wegħda miegħi nnifsi li nerġa’ nibda hekk kif inlesti l-istudji tiegħi fl-informatika. Hekk kif kont wasalt lejn l-aħħar ftit xhur tal-istudji tiegħi, bdejt ninforma ruħi fuq il-possibilità li nerġa’ nibda nipprattika dan l-isport għalkemm ta’ età mhux daqshekk żgħira. Għall-ewwel fittixt għall-istess akkademja li kont nattendi meta kont iżgħar ġewwa l-Belt Valletta. Iżda din l-akkademja ma kinetx għadha teżisti, u minflok, iż-żewġ coaches li kienu jgħallmuna kienu qegħdin jgħallmu ġewwa akkademji separati."

"Minħabba d-diffikultajiet ta’ parkeġġ u aċċess fil-Belt Valletta u l-fatt li akkademja minnhom ġiet imwaqqfa proprju ftit minuti ’l bogħod mid-dar tiegħi, malli rċevejt ir-riżultat finali tad-degree tiegħi, infurmajt lill-head coach ta’ din l-akkademja li xtaqt nibda nipprattikah mill-ġdid. Hu mill-ewwel ikkuntattjani bid-dati u l-ħinijiet ta’ meta nista’ nibda, u wara assenza ta’ ħdax-il sena erġajt bdejt nipprattika dan l-isport ġewwa t-Top Spin Table Tennis Academy immexxija minn Edward Baldacchino."

"Din l-opportunità ġabet magħha sfidi ġodda u impenn differenti. Kont għadni niftakar xi ftit punti milli kont tgħallimt fil-passat, u li kienu ta’ bażi tajba biex wara ftit sessjonijiet komplejt fejn ħallejt meta kont iżgħar. Kien għad baqa’ xogħol kbir sabiex nitgħallem ċerti tekniki li ma kontx tgħallimt qabel, minħabba l-perjodu qasir li kont għamilt nitgħallem. Ma kinitx daqshekk faċli fil-bidu, speċjalment minħabba d-differenza tal-età minn sħabi tal-istess kategorija tiegħi, fl-istess akkademja. Però bl-għajnuna tal-coaches f’din l-akkademja, Edward Baldacchino u Daniel Bajada, il-livell beda tiela’ u ma domtx biex bdejt nikseb riżultati importanti ġewwa l-istess akkademja."

"Kull tliet xhur isir turnew ġewwa l-akkademja, u turnew wara l-ieħor bdejt nikseb riżultati tajba. Wara biss sena li kont erġajt bdejt nitgħallem, ġejt infurmat mill-head coach Edward Baldacchino li kien intenzjonat li jinvolvini biex nirrappreżenta lit-Top Spin ma’ tim fit-tielet diviżjoni tal-kampjonat tat-Table Tennis ta’ Malta. Ingħatajt sfidi ġodda b’dan il-pass importanti fil-karriera tiegħi."

"Minn hemm bdejt ukoll nipparteċipa f’xi turnew li jiġi organizzat mill-istess Assoċjazzjoni Maltija. Ta’ min jgħid li kemm il-kampjonat kif ukoll it-turnej tal-MTTA ħassejthom diffiċli mhux hażin. Ma kontx imdorri nilgħab ġo swali hekk kbar, u l-pressjoni u l-eċċitament kienu jkunu qed jilagħbu logħba importanti wkoll. Wara ftit xhur, bdejt inħossni iktar kunfidenti li nilgħab il-logħba tiegħi u li ma nħallix fatturi oħra jikkundizzjonawni."

"Kont qiegħed inħoss li dawn l-isfidi ġodda kienu qedgħin jgħinuni ntejjeb il-livell tiegħi. Fil-fatt ir-riżultati bdew ġejjin bil-mod il-mod, u f’wieħed mit-turnej ta’ Malta, ikklassifikajt it-tieni fil-plate event tal-adulti. Dan ir-riżultat għeni sabiex nemmen iktar fija nnifsi u nistinka iktar. Ir-riżultati ma waqfux hemm, u fl-istaġun li għadda, it-tim li kont qed nifforma parti minnu u li kont ukoll il-captain tiegħu, ikklassifika fl-ewwel post fit-tielet diviżjoni. Dan kien unur kbir għalija, li mhux biss irbaħt din id-diviżjoni, imma wkoll li mexxejt dan it-tim f’isem it-TopSpin Table Tennis Academy għal din ir-rebħa importanti."

"L-isfidi ma waqfux hemm, u għalkemm ma kienx possibbli li nkompli mmexxi dan it-tim fit-tieni diviżjoni minħabba raġunijiet ta’ iktar studju biex intejjeb il-karriera tiegħi fl-informatika, ġejt fdat b’tim ieħor fit-tielet diviżjoni, u li għalkemm għadna fil-bidu tal-istaġun, diġà jidher promettenti ħafna u qed nokkupaw wieħed mill-postijiet ta’ quddiem."

"Il-kampijiet ta’ taħriġ li qed jiġu organizzati mit-TopSpin kif ukoll il-kowċis barranin li jiġu matul is-sajf biex jgħinuna fit-taħriġ, qed jgħinuni ħafna biex intejjeb il-kwalitajiet tal-logħba tiegħi. Għaldaqstant, nirringrazzja lill-head coach Edward Baldacchino tal-għajnuna kollha, kif ukoll talli tani l-opportunità li ngħin ukoll fl-amministrazzjoni ta’ din l-istess Akkademja. Fl-istess waqt nirringrazzja lill-kowċis kollha ta’ din l-Akkademja, b’mod speċjali lil Matthew Micallef u lil Daniel Bajada għall-għajnuna siewja li dejjem tawni, u talli dejjem emmnu fil-kapaċitajiet tiegħi."

More in Sports