Żurrieq Sunrise jirbħu l-MAFA Christmas Cup b’wirja kollettiva

Żurrieq Sunrise huma r-rebbieħa tal-MAFA Christmas Cup meta b’wirja kollettiva huma għelbu lil Senglea Gunners bl-iskor ta’ 3-0

Kienet logħba fejn iż-Żrieraq ikkontrollaw mill-bidu sal-aħħar bit-tim mill-Kottonera li naqas milli jkun daqshekk perikoluż lejn il-lasti avversarji. Għalihom dan kien l-ewwel unur maġġuri fil-kompetizzjonijiet tal-MAFA wara li fl-ewwel staġun tagħhom f’din l-assoċjazzjoni kienu kisbu l-promozzjoni għall-ewwel diviżjoni bħala champions.

Senglea Gunners, li kienu neqsin minn xi elementi importanti, ippruvaw joħolqu l-logħob tipiku tagħhom iżda ma kinitx ġurnata għalihom hekk kif sabu d-difiża tas-Sunrise soda daqs l-azzar.

Żurrieq waslu għal din il-finali wara li fir-rawnds preċedenti eliminaw lil Naxxar Victorians 1-0, lil Valletta Stars 5-3 wara l-għoti tal-penalties kif ukoll lil Marsa St Michael 2-1.

Min-naħa ta’ Senglea Gunners huma għamluha għall-finali wara li qaċċtu ’l barra lil Fgura United 5-1, lil San Ġiljan Saints 4-3 u lil Balzan Youths AFC 3-0.

Il-kowċ ta’ Senglea Gunners Mario Mifsud ħejja metodu tattiku ta’ 4-4-2 bl-aqwa skorer Simphiwe Nomfulana appoġjat minn Anthony Spiteri fuq quddiem.

Min-naħa tiegħu, il-kowċ ta’ Żurrieq Sunrise, Kris Bugeja ddeċieda li jiffolla nofs il-grawnd b’sistema tattika ta’ 3-4-1-2.

Żurrieq bdew bl-aħjar mod possibbli din il-partita tant li marru fil-vantaġġ wara sitt minuti logħob. Kien Leighton Mifsud li xeħet kross mil-lemin li sab lil Gilmour Carabott li antiċipa lill-goalkeeper Baldacchino sabiex bir-ras xeħet il-ballun fix-xibka.

Senglea bħal donnhom inħasdu wara dan il-gowl u spiċċaw dabbru t-tieni wieħed. Kienet azzjoni ta’ frikik mogħti minn Gilmour Carabott, il-gowlkiper Wayne Baldacchino laqa’ iżda ma żammx sabiex pront daħal Leighton Mifsud li f’lasta vojta ddepożita l-ballun ġewwa.

Fit-13-il minuta kien hemm żball difensiv tat-tim mill-Isla sabiex Antoine Barbara xxuttja b’Baldacchino jilqa’ parzjalment u bid-difensur Buttigieg li ma fdax u tefa’ l-ballun f’corner.

Mal-kwarta logħob, Senglea Gunners ħolqu l-ewwel okkażjoni tagħhom meta xutt ta’ Anthony Spiteri għadda barra.

Fit-22 minuta kien Michael Gatt ta’ Żurrieq li għadda tajjeb iżda x-xutt tiegħu spiċċa barra.

Bl-ewwel taqsima tispiċċa 2-0 favur Żurrieq.

Kif bdiet it-tieni taqsima, il-Gunners tefgħu kollox fuq l-attakk iżda f’leħħa ta’ berqa reġgħu kienu s-Sunrise li skorjaw. U x’gowl dak!

Kien freekick minn madwar 30 metru bogħod sabiex u mdawwar ta’ Ryan Xuereb li litteralment ħasad lil Wayne Baldacchino sabiex għamel l-iskor 3-0.

Senglea Gunners ma qatgħux qalbhom u heddew serjament il-lasti Żrieraq f’temp ta’ disa’ minuti.

L-ewwel kien George Frendo li ra l-kross-xutt tiegħu jgħaddi ċentimetri barra mil-lasti ta’ Valentin. Dan tal-aħħar kien prominenti fl-54 minuta meta salva b’mod verament tajjeb xutt mill-viċin ta’ Adrian Sammut.

Fl-64 minuta kien is-sostitut Marco Saraceno li seraq ballun tajjeb, daħal fil-kaxxa iżda x-xutt tiegħu għadda għoli.

Żurrieq ikkontrollaw sal-aħħar il-partita sabiex mat-tisfira tar-referi setgħu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-plejers u diriġenti tagħhom li komplew mal-preżentazzjoni tal-MAFA Christmas Cup mill-viċi-president tal-MFA Adrian Casha fil-preżenza tal-president tal-MAFA is-Sur Twanny Agius.

Skor Finali: Żurrieq Sunrise 3 Senglea Gunners 0.

Ir-referì kien Andrea Sciriha.

More in Sports