'In-Netball huwa sport li jgħallmek ħafna aktar mill-isport innifsu'

Tammy Manicolo - plejer ferm importanti ta' Blackbacks Netball Club u li riċentament xprunathom għas-suċċess permezz tal-wirjiet mill-aqwa tagħha.

Blackbacks Netball Club
Blackbacks Netball Club

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn in-netball u kif komplejt tevolvi f'dan l-isport li tant tħobb? 

Minn ta’ età żgħira dejjem kelli mħabba kbira lejn l-isport. L-ewwel sport li qatt ipprattikajt kien il-ġinnastika u domt nipprattikah għal diversi snin fejn ħadt sehem f’diversi kompetizzjonijiet. Sfortunatament ta’ 13-il sena kelli nieqaf iżda meta għalaqt 16-il sena iddeċidejt li nagħmel il-kors tal-kowċing fil-ġinnastika, u issa ilni dawn l-aħħar sitt snin nikkowċja mal-klabb Acrobatic Jumpers. 

Minn meta waqaft il-ġinnastika ma kont qed nipprattika l-ebda sport ieħor u sentejn ilu ħabiba kbira tiegħi Tamara Vella, li tiffoma parti mit-team Silerbacks, ħajritni biex nibda nipprattika n-Netball mat-tim tal-Blackbacks li flimkien jiffurmaw Backs Netball Club. Onestament kont xettika għall-bidu dwar jekk għandix nibda jew le, għaliex ma kontx daqstant aġġornata fuq dan l-isport. Fl-aħħar iddeċidejt li nipprova u llum il-ġurnata nista’ ngħid li sar wieħed mill-aktar sports għal qalbi. Din hija t-tieni sena tiegħi nilgħab in-netball u bħala pożizzjoni prinċipali, nilgħab fid-difiża bħala Goal Defence iżda ġieli lgħabt Goalkeeper ukoll. Din is-sena, it-tim tagħna tal-Blackbacks irnexxielna nispiċċaw fl-ewwel post fil-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni u b’hekk ksibna l-promozzjoni biex is-sena d-dieħla nilagħbu fl-ewwel diviżjoni. Dan seħħ kemm bil-ħila tat-tim kollu għaliex kollha kemm aħna tajna l-aħjar li stajna biex navvanzaw, kif ukoll grazzi għall-kowċis tagħna Tamara Vella, Lucretia Hili u Corinne Laganá li jieħdu ħsieb lit-tim tagħna b’dedikazzjoni u b’imħabba kbira. 

Taħseb li f’pajjiżna l-media tagħti importanza lin-netball? 

Sfortunatament le. Meta tqabbel l-importanza li jagħtu pajjiżi barranin lil dan l-isport, aħna hawn Malta, speċjalment fis-settur tal-media, ma nagħtuhx l-importanza li jistħoqqlu. Aħna bħala Backs Netball Club għandna paġna ta’ facebook fejn nitfgħu d-dettalji kollha fuq il-klabb kif ukoll id-dati u l-ħinijiet tal-logħob kollha li jkunu se jsiru biex inħeġġu lin-nies jiġu jagħtu s-sapport tagħhom. 

Għaddi messaġġ lil dawk iż-żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis-serjetà li jibdew jipprattikaw in-netball. 

Bħalma diġà semmejt fil-bidu, jiena kont waħda li kont xettika fuq dan l-isport però llum il-ġurnata nirrealizza kemm kont żbaljata għaliex in-Netball huwa sport li jgħallmek ħafna aktar mill-isport innifsu. Barra minn hekk huwa sport ta’ sodisfazzjon kbir u li jirrikjedi ħafna attività fiżika u saħħa, b’hekk iżommok dejjem attiva. L-aħħar u mhux l-inqas nixtieq nirringrazzja lil sħabi talli f’dawn l-aħħar sentejn laqawni fit-tim u għamlu minn kollox biex inħossni parti minnhom u llum il-ġurnata nqisu ruħna bħala familja waħda magħquda!

More in Sports